Momentum attakka kemm lill-PL kif ukoll lill-PN dwar il-mod kif qed jittrattaw il-kriżi tat-traffiku u t-trasport, u qal li ż-żewġ partiti qed jibdlu problema nazzjonali fi “spettaklu elettorali”.
Fi stqarrija maħruġa nhar il-Ġimgħa, il-partit qal li l-proposta riċenti tal-PN biex tinbena sistema ta’ metro fi żmien ħames snin hija “totalment maqtugħa mir-realtajiet amministrattivi, finanzjarji u infrastrutturali ta’ Malta”.
“Wara għexieren ta’ snin fejn iż-żewġ partiti l-kbar naqsu milli jindirizzaw serjament ir-riforma tat-trasport, li f’daqqa waħda twiegħed metro fi żmien ħames snin mhuwiex governanza kredibbli, iżda fantasy politics,” qal Momentum.
Il-partit staqsa wkoll fejn huma l-istudji ġeoloġiċi u arkeoloġiċi relatati mal-proġett.
Momentum ikkritika wkoll lill-Gvern Laburista wara li l-Ministeru għat-Trasport ħabbar li se jibda geological core testing ġimgħatejn biss qabel l-elezzjoni.
“Dan huwa eżempju ieħor ta’ knee-jerk politics maħsub għall-headlines aktar milli għal soluzzjonijiet,” qal il-partit.
Momentum sostna li kieku l-gvern kien tassew jemmen fl-ippjanar fit-tul tat-trasport, dawn l-istudji kienu jsiru snin ilu bħala parti minn strateġija nazzjonali koerenti u mhux “mgħaġġlin fl-aħħar minuta qabel ma n-nies imorru jivvutaw”.
Il-partit argumenta wkoll li kemm il-PL kif ukoll il-PN qattgħu snin isaħħu d-dipendenza tal-pajjiż fuq il-karozzi privati permezz ta’ żvilupp bla kontroll, ippjanar spazjali dgħajjef u politiki ta’ bini ta’ toroq li “sempliċiment joħolqu aktar traffiku”.
Momentum qabbel dan mal-proposti tiegħu stess dwar it-trasport, li qal huma aktar realistiċi u strutturati.
Il-partit irrefera għal konferenza tal-aħbarijiet riċenti dwar it-trasport indirizzata mill-Inġinier Marco Cremona, fejn ġew ippreżentati diversi miżuri prattiċi fosthom proposta għal sistema ta’ taxis maqsuma biex jitnaqqas in-numru ta’ vetturi privati fit-toroq Maltin.
Fost il-proposti msemmija minn Momentum hemm: introduzzjoni ta’ sistema ta’ taxis maqsuma biex tħeġġeġ ride-sharing u tnaqqas il-konġestjoni, investiment qawwi f’trasport pubbliku affidabbli u frekwenti, bus stops adegwati u mgħammra b’shelters, naqqis ta’ bus stops eċċessivi, estensjoni tan-network ta’ bus lanes, aċċess aktar faċli għall-informazzjoni dwar il-karozzi tal-linja, inkluż jekk xarabank tkunx mimlija jew le, infrastruttura aktar sigura għall-mixi u ċ-ċikliżmu u integrazzjoni aħjar bejn l-ippjanar tal-art u l-politika tat-trasport.
“Malta m’għandhiex bżonn wegħdi grandjużi kull ċiklu elettorali. Għandha bżonn ippjanar kompetenti, miri realistiċi u kuraġġ politiku biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-karozzi b’mod serju u konsistenti,” qal Momentum.
Il-kandidat ta’ Momentum fuq it-tielet u l-ħdax-il distrett, Mark Camilleri Gambin, qal li l-kriżi tat-trasport f’Malta mhux se tissolva permezz ta’ “miracle projects ta’ ħames snin” jew studji mħabbra fl-aħħar minuta għal effett politiku.
Huwa sostna li s-soluzzjoni tinsab f’riformi gradwali bbażati fuq l-evidenza u implimentati bi trasparenza u kunsens nazzjonali.