Momentum qed jipproponi sistema aktar stretta ta’ infurzar kontra l-istorbju eċċessiv fil-lokalitajiet, inkluż multi li jiżdiedu awtomatikament għal min jirrepeti l-abbużi, monitoraġġ akustiku kontinwu u entità waħda responsabbli mill-ilmenti.
Fi stqarrija maħruġa l-Ġimgħa, il-partit qal li filwaqt li Malta diġà għandha qafas legali dwar kontroll tal-istorbju, standards ambjentali u setgħat għall-kunsilli lokali, “nieqsa r-rieda biex dawn jiġu infurzati”.
Momentum ippropona sistema fejn l-ewwel ksur iwassal għal twissija, it-tieni għal multa u t-tielet għal reviżjoni tal-liċenzja fil-każ ta’ stabbilimenti kummerċjali jew pieni strutturati għal residenti.
Il-partit qal li s-sistema għandha tkun awtomatika mingħajr “diskrezzjoni, favuri jew telefonati kwieti” biex l-ilmenti jispiċċaw fix-xejn.
Momentum ippropona ukoll li tinħoloq entità waħda responsabbli għall-ilmenti relatati mal-istorbju, minflok is-sitwazzjoni attwali fejn residenti jintbagħtu minn dipartiment għal ieħor.
Il-partit sostna li bħalissa residenti li jilmentaw jispiċċaw iduru bejn id-Dipartiment tas-Saħħa Ambjentali, il-pulizija u l-kunsill lokali, filwaqt li sa ma tittieħed azzjoni l-mużika tkun waqfet u “l-provi jisparixxu”.
Momentum qal li hemm bżonn limiti ċari ta’ decibels skont iż-żona u l-ħin tal-ġurnata, filwaqt li sostna li żoni residenzjali, kummerċjali u mixed-use ma jistgħux jiġu trattati bl-istess mod.
Il-partit qal ukoll li limiti ta’ storbju matul il-lejl għandhom ikunu ferm aktar stretti minn dawk ta’ matul il-ġurnata.
Fost il-proposti hemm ukoll network ta’ monitoraġġ akustiku 24 siegħa kuljum fil-lokalitajiet l-aktar affettwati, permezz ta’ sensors permanenti li jirreġistraw il-livelli tal-istorbju kontinwament.
Momentum qal li s-sistema tkun time-stamped u geo-located, filwaqt li tintuża pattern analysis biex jiġu identifikati offenders rikorrenti.
Il-partit sostna wkoll li teknoloġija ta’ AI sound classification diġà tintuża f’pajjiżi oħra u tista’ tintuża biex tinġabar evidenza mingħajr ma jiġu rrekordjati konverżazzjonijiet jew kontenut privat.
Momentum qal li dan iwassal għal infurzar “aktar mgħaġġel u aktar ġust”, filwaqt li jneħħi l-piż minn fuq ir-residenti li bħalissa, skont il-partit, ikollhom jiġbru videos jew recordings huma stess biex jittieħdu bis-serjetà.
Il-partit qal li sena wara sena l-istess ilmenti qed jerġgħu jinqalgħu dwar mużika qawwija tard bil-lejl, parties u venues mingħajr kontroll tal-istorbju.
Momentum sostna li residenti f’Mosta, Ħ’Attard, ir-Rabat, Ħaż-Żebbuġ, San Pawl il-Baħar, Tas-Sliema, Paceville, Pembroke, il-Belt u s-Swieqi qed jesperjenzaw “erożjoni kostanti tal-kwalità bażika tal-ħajja”.
Il-partit qal li l-problema qed tolqot b’mod partikolari anzjani, persuni morda, ġenituri bi tfal żgħar, studenti u ħaddiema li jibdew kmieni filgħodu.
“L-irqad mhuwiex lussu u l-paċi fid-dar mhijiex privileġġ,” qal il-kandidat ta’ Momentum Mark Camilleri Gambin.
Huwa sostna li ċelebrazzjonijiet, avvenimenti kulturali u l-ekonomija tal-lejl jistgħu jeżistu flimkien mad-dritt tar-residenti għall-mistrieħ, iżda qal li “storbu bla konsegwenzi ma jistax jibqa’ aċċettabbli.”