Żewġ viżjonijiet, pajjiż wieħed: L-ewwel dibattitu televiżiv bejn Abela u Borg
Il-konfront bejn Robert Abela u Alex Borg xeħet dawl fuq iż-żewġ viżjonijiet differenti għall-futur ta’ Malta, b’dibattitu intens dwar l-għoli tal-ħajja, it-traffiku, il-kostruzzjoni u r-riformi soċjali
minn Jaelle Borg
L-għoli tal-ħajja, il-kostruzzjoni, it-traffiku, il-qasam tas-saħħa u r-riformi soċjali kienu fiċ-ċentru ta’ dibattitu politiku intens bejn il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg, f’diskussjoni li rat żewġ viżjonijiet differenti dwar fejn għandu jmur il-pajjiż fis-snin li ġejjin.
Dan kien propju l-ewwel dibattitu televiżiv li ġie mxandar fuq Xtra u mmoderat minn Savior Balzan/
Minn kmieni fid-dibattitu, Alex Borg ipprova jpoġġi lill-Partit Nazzjonalista bħala alternattiva ekonomika kredibbli, b’manifest li skont hu mhux biss “ta’ viżjoni”, iżda mibni fuq il-problemi reali li qed jaffaċċjaw il-familji Maltin. Borg irrefera għall-Eurobarometer u qal li madwar 40% tal-Maltin iqisu l-għoli tal-ħajja bħala waħda mill-akbar problemi tagħhom.
“Meta jgħidulek familji li ma tistax tixtri l-istess affarijiet b’€50 bħal qabel, trid taġixxi,” qal Borg, hekk kif ħabbar sensiela ta’ proposti ekonomiċi. Fosthom hemm żieda ta’ 25% fl-istipendji, għajnuna għall-first-time buyers fejn il-gvern iħallas nofs l-imgħax u jagħti lura sa €390 fix-xahar, kif ukoll tax cuts li skont hu jistgħu jfissru sa €1,200 fis-sena aktar fil-but tal-ħaddiema. Borg semma wkoll aktar għajnuna għall-anzjani u investiment fl-isptarijiet.
Meta mistoqsi dwar jekk Malta hijiex preparata għal kriżijiet oħra, Robert Abela ddefenda bil-qawwa r-rekord ekonomiku tal-gvern tiegħu. Huwa fakkar kif Malta għaddiet mill-pandemija tal-COVID-19 u qal li l-Kummissjoni Ewropea tat lil Malta “ħames ċertifikati” relatati mal-ekonomija, il-ħolqien tax-xogħol u r-rata baxxa ta’ qgħad. Abela semma wkoll rata ta’ defiċit ta’ 2.2% u dejn pubbliku ta’ 46%, filwaqt li attakka lill-oppożizzjoni fuq nuqqas ta’ għarfien dwar il-fiscal forecasts u l-inflazzjoni.
“Abbraccjajna politika progressiva li tinvesti fin-nies u pproteġejna lil kulħadd,” sostna Abela, hekk kif semma l-parental leave, iż-żiediet fl-istipendji, l-għajnuna għall-first home buyers u l-appoġġ lis-self-employed bħala prova ta’ ekonomija mibnija fuq investiment soċjali.
Waħda mill-aktar proposti li qanqlu diskussjoni kienet it-tneħħija tat-taxxa tas-suċċessjoni. Alex Borg ddefenda l-miżura u qal li hija proposta “rivoluzzjonarja” li inizjalment ġiet ikkritikata minn oħrajn qabel ma ppruvaw jikkupjawha. Fl-istess waqt, huwa qal li minkejja l-wegħdi tal-gvern, ħafna nies għadhom qed iħossu l-piż tal-għoli tal-ħajja u jinsabu f’riskju ta’ faqar.
Il-konfront kompla jissaħħan fuq il-kwistjoni tal-implimentazzjoni tal-proġetti. Robert Abela qal li l-gvern tiegħu għandu rekord ċar ta’ twettiq u saħaq li ħafna wegħdi diġà twettqu, fosthom tax cuts, żidiet fil-childrens’ allowance u żieda fil-pensjonijiet.
Abela ma ħeliex l-opportunità biex jattakka lill-oppożizzjoni, speċjalment fuq il-proposti relatati mal-popolazzjoni u l-ħaddiema barranin. “Il-pjan tagħkom x’inhu? Li tagħtu pensjoni lil kull ħaddiem barrani li jinżel Malta?” staqsa Abela, filwaqt li qal li taħt gvern Nazzjonalista r-rata ta’ nies f’riskju ta’ faqar kienet ta’ 25%, filwaqt li llum niżlet taħt is-17%.
Min-naħa tiegħu, Alex Borg akkuża lill-gvern li m’għandux pjan ċar dwar il-popolazzjoni u qal li l-Partit Nazzjonalista għandu proposta għal labour market study u aktar ippjanar dwar il-ħaddiema barranin. Borg irrefera wkoll għall-greylisting u qal li Malta “għadha tħoss l-effetti tiegħu sal-lum.”
Il-kostruzzjoni kienet tema oħra li qajmet dibattitu jaħraq. Robert Abela qal li l-BCA wettqet eluf ta’ spezzjonijiet matul l-aħħar sena u li ddaħħlu regolamenti ġodda flimkien mal-helpline 138. Huwa tkellem ukoll fuq il-proposta ġdida biex residenti li jsofru ħsarat minħabba xogħol ta’ kostruzzjoni jiġu kkumpensati mill-gvern.
“Xorta mhux aċċettabbli li familji jispiċċaw joħorġu minn djarhom minħabba nuqqas ta’ professjonalità,” qal Abela.
Dwar is-saħħa, Alex Borg ħabbar investiment fuq erba’ sptarijiet ġodda madwar Malta u Għawdex, filwaqt li qal li Mount Carmel għandu gradwalment jiġi phased out. Fl-istess waqt ammetta li Malta xorta se jkollha bżonn ħaddiema barranin “temporanjament”, iżda wiegħed aktar inċentivi għall-istudenti tas-saħħa u pakketti ġodda għall-ħaddiema fis-settur.
Kwistjonijiet sensittivi bħall-ewtanasja u l-IVF ukoll għamlu parti mid-dibattitu. Robert Abela ddefenda l-idea ta’ referendum dwar l-ewtanasja u semma r-riforma tal-living will, li tippermetti persuna tagħżel minn qabel liema interventi mediċi ma tkunx trid. Huwa wkoll attakka lil Alex Borg dwar il-vot tiegħu fuq l-IVF fl-2022.
Borg wieġeb b’mod personali ħafna, fejn qal li hu stess ma jafx jekk jistax ikollu tfal bijoloġiċi. “Kif nista’ mmur kontra xi ħaġa li jaf xi darba jkolli bżonnha?” staqsa Borg, hekk kif insista li huwa favur l-IVF u jrid jara s-servizzi kollha garantiti għal koppji Maltin.
It-traffiku kien wieħed mill-aktar temi dominanti tad-dibattitu. Alex Borg ddefenda l-proposta tal-partit fuq it-trasport tal-massa u qal li fi żmien ħames snin tista’ titlesta l-ewwel linja ta’ mass transport fil-pajjiż. Huwa sostna li l-partit laburista jrid tqatta’ ħames snin oħra jagħmel studji.
Fl-istess waqt, ġew diskussi wkoll il-proposti dwar il-4-day week. Alex Borg qal li din ma tistax tkun sistema “one size fits all” u li għandha tibda bħala pilot project biex jiġi evalwat l-impatt tagħha fuq il-produttività.
Robert Abela wieġeb billi qal li l-gvern diġà ressaq il-kunċett tal-compressed week, flimkien ma’ flexi-time u remote working, għax jemmen li bilanċ aħjar bejn il-familja u x-xogħol isaħħaħ il-produttività aktar milli jdgħajjifha.
Lejn l-aħħar tad-dibattitu, Alex Borg ġie mistoqsi dwar it-“team” tiegħu u jekk għandux nies kapaċi jmexxu oqsma kruċjali bħall-finanzi u l-ekonomija. Borg wieġeb billi semma accountants, surgeons u avukati fit-tim tiegħu, kif ukoll eks-esponenti Laburisti li ngħaqdu mal-Partit Nazzjonalista. Kien hawnekk meta Borg rrefera għal dak li kienet qalet Rosianne Cutajar u qal li l-poplu għandu għażla bejn team “li dejjem jitħanżer”, b’referenza għal labour “jew team imġedded u b’saħħtu.”
Id-dibattitu ngħalaq b’messaġġ aktar personali minn Robert Abela, li qal li l-gvern tiegħu għandu “idejh fuq il-polz tal-poplu” u li jibqa’ jisma’ l-uġigħ u t-tħassib tan-nies. “Saqajna mal-art,” qal Abela, “u nibqgħu nisimgħu l-weġgħat tan-nies.”
