“Fejn hu l-calculator issa?” Adrian Delia jattakka lil Clyde Caruana fuq id-dejn ta’ Malta

Il-kelliem tal-PN għall-finanzi Adrian Delia akkuża lill-Prim Ministru Robert Abela u lill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana li kabbru d-dejn nazzjonali b’€6 biljun f’ħames snin, waqt li kompla jattakka lill-Gvern fuq infiq pubbliku u direct orders

Adrian Delia qal li l-Gvern Laburista żied id-dejn ta’ Malta b’€6 biljun fl-aħħar ħames snin.
Adrian Delia qal li l-Gvern Laburista żied id-dejn ta’ Malta b’€6 biljun fl-aħħar ħames snin.

“Fejn hu l-calculator issa?” kienet il-mistoqsija li għamel il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-finanzi Adrian Delia waqt attività politika f’Ħal Balzan, hekk kif attakka lill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana fuq iż-żieda fid-dejn ta’ Malta. 

Delia sostna li l-Prim Ministru Robert Abela flimkien ma’ Clyde Caruana akkumulaw €6 biljun dejn fl-aħħar ħames snin, u qal li dan l-ammont huwa ekwivalenti għad-dejn kollu li Malta kienet akkumulat fil-55 sena ta’ qabel. 

Il-kummenti tiegħu saru bħala reazzjoni għal kritika riċenti minn Caruana dwar proposta fiskali tal-PN, fejn il-Ministru tal-Finanzi kien allega diskrepanza ta’ €250 miljun fil-kalkoli tal-Oppożizzjoni. 

“Il-Ministru tal-Finanzi qed jgħidli ma nafx nuża calculator. Jekk tista’ tgħinni, forsi nistgħu naħdmuha flimkien,” qal Delia waqt l-attività politika. 

Waqt id-diskors tiegħu, Delia rrefera wkoll għall-proġett tal-estensjoni tad-Dipartiment tal-Emerġenza u faċilità ġdida tas-saħħa mentali f’Mater Dei.

Huwa qal li fl-2024 il-Ministeru tas-Saħħa kien ħareġ tender għal dawn ix-xogħlijiet b’stima ta’ madwar €80 miljun. 

Madankollu, Delia qal li konsorzju wieħed biss tefa’ offerta ta’ madwar €140 miljun, bil-Gvern inizjalment iqis il-prezz bħala eċċessiv u jipprova jikkanċella t-tender. 

Huwa sostna li waqt li l-appell fil-Qorti kien għadu pendenti, il-Gvern xorta għadda għal direct order ta’ €120 miljun.

“Fejn hu l-calculator issa?” reġa’ staqsa Delia. 

Il-kelliem tal-PN irrefera wkoll għall-ftehim tal-isptarijiet u qal li l-Prim Ministru kien iddefenda n-nefqa ta’ €900 miljun fuq tliet sptarijiet bħala “good value for money”. 

Delia qal li dawn il-flus kellhom jintefqu fuq sptar ġdid f’Għawdex u sodod ġodda f’St Luke’s, iżda sostna li dawn il-proġetti qatt ma mmaterjalizzaw.

“F’St Luke’s illum għandek biss bejta tal-għasafar,” qal Delia waqt id-diskors tiegħu. 

Huwa kompla jgħid li Gvern ma jistax jiddikjara ruħu kredibbli meta, skontu, nefqa ta’ €900 miljun ma wasslet għal ebda riżultat konkret.

“Kif jista’ xi ħadd isejjaħ lilu nnifsu kredibbli meta jgħid li nefqu €900 miljun u ma sar xejn?” staqsa Delia.

More in Elezzjoni 2026