Alex Borg jiltaqa’ ma’ studenti li ressqu proposti dwar l-ambjent u t-traffiku

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg laqa’ fid-Dar Ċentrali grupp ta’ studenti li ppreżentaw proposti dwar l-ambjent, it-traffiku, l-iskejjel u l-inklużjoni bħala parti minn summit organizzat minn EkoSkola

Alex Borg qal lill-istudenti biex jibqgħu jaħdmu u jitkellmu għall-Malta li jixtiequ jgħixu fiha
Alex Borg qal lill-istudenti biex jibqgħu jaħdmu u jitkellmu għall-Malta li jixtiequ jgħixu fiha

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg laqa’ fid-Dar Ċentrali grupp ta’ studenti minn tliet skejjel differenti li ppreżentawlu dokument bi proposti dwar l-ambjent, l-edukazzjoni, it-traffiku u l-kwalità tal-ħajja.

Il-proposti tħejjew wara summit tat-tfal organizzat minn EkoSkola, il-programm immexxi minn Nature Trust-FEE Malta, li fih ipparteċipaw madwar 150 tifel u tifla minn 30 skola differenti.

Id-dokument, li ġabar il-proposti tat-tfal, qed jiġi ppreżentat lill-mexxejja politiċi sabiex jitqies waqt it-tfassil tal-politika għall-pajjiż.

Fost it-temi msemmija fid-dokument kien hemm l-ambjent fiżiku u l-ispazji miftuħa, it-traffiku, infrastruttura għar-roti, il-bullying, l-użu tal-intelliġenza artifiċjali, skejjel u binjiet ħodor, spazji inklussivi għal persuni newrodiverġenti, kmamar multisensorjali fl-iskejjel u aktar żoni għaż-żgħażagħ.

L-istudenti appellaw lill-politiċi sabiex iqisu l-proposti tagħhom u jaħdmu għal Malta aktar umana, sostenibbli, inklussiva u sigura.

Waqt il-laqgħa, Borg esprima l-apprezzament tiegħu għall-ħidma tal-istudenti u qal li l-proposti tagħhom juru li anke minn età żgħira t-tfal qed jifhmu l-isfidi ewlenin li qed jaffaċċja l-pajjiż.

“Il-proposti li qed iressqu dawn l-istudenti żgħar juru kemm anke minn età żgħira qed jifhmu x’inhu l-aktar affarijiet importanti biex mhux biss ngħixu ħajja aktar sana imma anke waħda aktar sostenibbli fir-realtajiet li għandna llum,” qal Borg.

Il-Kap tal-PN sostna wkoll li ħafna mill-ideat imressqa mit-tfal huma riflessi fil-programm elettorali tal-partit.

Fosthom semma l-proposta tal-PN għal Green Schools, kmamar multisensorjali f’kull skola u calming room fuq il-vapuri ta’ Għawdex.

Huwa semma wkoll il-proposti relatati mat-traffiku, fosthom il-proġett tat-trasport tal-massa u skema li tippremja lil min juża inqas il-karozza privata tiegħu.

Borg tkellem ukoll dwar investiment fis-settur tal-intelliġenza artifiċjali, aktar spazji għaż-żgħażagħ u aktar spazji miftuħa fejn it-tfal jistgħu jilagħbu u jistrieħu.

Lejn tmiem il-laqgħa, il-Kap tal-PN ħeġġeġ lill-istudenti biex ikomplu jaħdmu u jitkellmu għall-futur li jixtiequ għal pajjiżhom.

“Intom il-ġenerazzjoni li se tmexxi lil Malta fis-snin li ġejjin. Aħna għandna l-obbligu u r-responsabbiltà li nisimgħukum,” qal Borg.

“Ibqgħu tkellmu magħna ħalli flimkien infasslu l-Malta li tixirqilkom.”

L-istudenti kienu akkumpanjati mill-għalliema tagħhom u mill-President ta’ Nature Trust-FEE Malta Vincent Attard.

Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll il-kandidata tal-Partit Nazzjonalista Rebekah Borg.

More in Elezzjoni 2026