Momentum tipproponi pjan ta’ €842 miljun ibbażat fuq 'shared cabs' biex tnaqqas it-traffiku

Momentum ħabbret pjan ta’ trasport ibbażat fuq sistema ta’ taxis maqsuma ssussidjati li, skont il-partit, tista’ tnaqqas drastikament it-traffiku mingħajr infrastruttura ġdida

Momentum qalet li l-proposta tagħha tista’ tnaqqas in-numru ta’ karozzi fit-toroq għal livelli simili għal dawk tal-2005(Ritratt: Momentum)
Momentum qalet li l-proposta tagħha tista’ tnaqqas in-numru ta’ karozzi fit-toroq għal livelli simili għal dawk tal-2005(Ritratt: Momentum)

Momentum ħabbret pjan ta’ trasport ta’ €842 miljun ibbażat fuq sistema ta’ taxis maqsuma ssussidjati li, skont il-partit, tista’ tnaqqas drastikament it-traffiku mingħajr il-bżonn ta’ proġetti infrastrutturali kbar. 

Waqt il-preżentazzjoni tal-proposta, Mark Camilleri Gambin qal li l-pjan ma jeħtieġx “proġett multi-biljunarju” jew snin twal ta’ xogħolijiet li joħolqu aktar konġestjoni fit-toroq. 

“Dan mhux proġett li se jieħu għexieren ta’ snin biex jitwettaq u mhux se jikkawża tfixkil massiv,” qal Camilleri Gambin. 

Skont il-partit, bħalissa f’Malta hawn aktar minn 447,000 vettura liċenzjata, filwaqt li bejn 15 u 16-il karozza ġdida qed jiżdiedu mat-toroq kuljum. 

Momentum qalet ukoll li l-konġestjoni fit-traffiku qed tiswa lill-pajjiż madwar €1.13 biljun fis-sena, fosthom €608 miljun f’ħin moħli u €518 miljun f’konsum tal-fjuwil. 

Minkejja li s-servizz tal-karozzi tal-linja huwa b’xejn, il-partit qal li 84% tal-vjaġġi għadhom isiru permezz tal-karozza privata. 

Il-proposta ewlenija tal-pjan hija s-Subsidised Shared Cab Initiative (SSCI), maħsuba mill-inġinier Marco Cremona, li kienet tinvolvi aġġornament tal-apps eżistenti tat-taxis biex joffru għażla ta’ taxis maqsuma permezz ta’ sistemi bbażati fuq intelliġenza artifiċjali. 

Skont il-proposta, passiġġieri li jkunu sejrin fl-istess direzzjoni jiġu miġbura fl-istess vettura, filwaqt li xorta jibqgħu jinġabru minn quddiem darhom u jitniżżlu fid-destinazzjoni eżatta tagħhom. 

Il-Gvern ikun qed jissussidja l-vjaġġi għal żgħażagħ bejn il-15 u l-24 sena u anzjani ’l fuq minn 65 sena, biex il-prezz jinżel minn medja ta’ €15 għal madwar €2 għal kull vjaġġ. 

Il-partit qal ukoll li s-servizz ikun disponibbli għall-pubbliku kollu, fejn il-passiġġieri jaqsmu l-ispiża tal-vjaġġ bejniethom, u b’hekk il-prezz ikun ferm orħos minn dak attwali.

“Il-karozza privata mhix il-problema. Il-problema huwa n-numru ta’ karozzi,” qal Cremona waqt il-preżentazzjoni. 

Huwa sostna li ħafna mill-vjaġġi f’Malta jsiru minn persuna waħedha fil-karozza, sitwazzjoni li qed twassal għal aktar konġestjoni.

Momentum stmat li s-sussidju jiswa madwar €234 miljun fis-sena, iżda sostniet li dan ikun ikkumpensat minn iffrankar ta’ ħin, konsum tal-fjuwil u tnaqqis fl-importazzjoni tal-karozzi, li flimkien jistgħu joħolqu surplus nazzjonali ta’ madwar €78 miljun fis-sena. 

Il-pjan huwa maqsum fi tliet fażijiet.

L-ewwel fażi, bejn Ġunju 2026 u l-2028, tkun tinkludi l-introduzzjoni tas-servizz ta’ taxis maqsuma fuq apps eżistenti. 

It-tieni fażi, bejn l-2028 u l-2033, tkun tinvolvi l-introduzzjoni ta’ 10,000 vann elettriku ta’ 12-il passiġġier, b’rata ta’ 2,000 fis-sena. Dawn ikunu mgħammra bi spazju għal basktijiet, luggage, prams u roti. 

Momentum qalet li sal-2033 in-numru ta’ karozzi privati jista’ jinżel minn madwar 384,000 għal 200,000 — livelli simili għal dawk tal-2005. 

It-tielet fażi, bejn l-2030 u l-2040, tkun tinkludi tranżizzjoni gradwali lejn vetturi mingħajr sewwieq. 

Cremona qal li anke tnaqqis żgħir fin-numru ta’ karozzi jista’ jkollu impatt immedjat fuq il-ħinijiet tal-ivvjaġġar.

“Fuq triq li diġà hija saturata, jekk tneħħi 2% tal-karozzi, it-tnaqqis fil-ħin tal-vjaġġ ma jkunx ta’ 2% biss — ikun ħafna aktar,” qal Cremona. 

Huwa żied jgħid li ladarba t-tieni fażi tkun implimentata kompletament, il-ħinijiet tal-ivvjaġġar jistgħu jonqsu b’60% mil-livelli attwali. 

Il-pjan usa’ ta’ Momentum jinkludi wkoll €150 miljun biex jiżdiedu 300 karozza tal-linja ġdida u jiġu introdotti aktar rotot diretti, €100 miljun għal bus stops moderni b’shelters u electronic signage, €100 miljun għal bankini aktar aċċessibbli u €20 miljun għal aktar bus lanes. 

Ing. Marco Cremona qal ukoll li huwa kien preżenta din il-proposta lill-partiti politiċi kollha qabel ma Momentum għażlet li tadottaha uffiċjalment.

“Hija Momentum li riedet tmexxi ’l quddiem din l-idea,” qal Cremona. 

More in Elezzjoni 2026