Tensjoni u argumenti fid-dibattitu bejn Abela u Borg organizzat mill-Kamra tal-SMEs

Il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg reġgħu marru ras imb ras f’dibattitu ieħor iffukat fuq l-ekonomija, in-negozji u l-isfidi tas-settur privat

Ritratt: OPM
Ritratt: OPM

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg reġgħu ħabtu wiċċ imb wiċċ nhar it-Tlieta waqt dibattitu organizzat mill-Malta Chamber of SMEs, bit-tensjoni bejn iż-żewġ mexxejja tiżdied f’diversi mumenti tal-attività. 

Id-dibattitu ffoka fuq il-politika ekonomika, l-isfidi tan-negozji u l-problemi li qed jaffaċċja s-settur privat. Dan kien it-tieni dibattitu bejn iż-żewġ mexxejja fi spazju ta’ jumejn. 

Fid-diskors tal-ftuħ tiegħu, Alex Borg qal li l-manifest tal-PN inbena bil-għan li jgħin lin-negozji żgħar u medji, filwaqt li semma l-ħolqien ta’ niċeċ ekonomiċi ġodda u l-ħtieġa li jiġu indirizzati n-nuqqas ta’ ħaddiema u skills fis-suq tax-xogħol. 

Min-naħa tiegħu, Robert Abela qal li mill-2020 ’l hawn għadda minn “kriżi wara oħra” flimkien mal-komunità tan-negozji, filwaqt li enfasizza t-tkabbir ekonomiku ta’ Malta mill-2013 ’l hawn. Huwa reġa’ semma l-miri makroekonomiċi tal-Gvern għas-snin li ġejjin, fosthom tnaqqis fid-dejn u surplus ekonomiku. 

Waħda mill-ewwel temi kienet in-nuqqas ta’ ħaddiema u l-popolazzjoni li qed tikber.

Borg qal li l-viżjoni tal-PN se tkun iffukata fuq upskilling tal-ħaddiema u semma l-proposta għal żewġ one-stop shops biex titnaqqas il-burokrazija għal min iħaddem u għall-ħaddiema. 

Huwa kkritika wkoll iż-żieda mgħaġġla fil-popolazzjoni mingħajr investiment adegwat fl-infrastruttura, u spjega li l-PN qed jipproponi awtorità ġdida dwar il-popolazzjoni biex tippjana aħjar għall-futur. 

Abela wieġeb billi qal li s-soluzzjoni ta’ Borg għall-popolazzjoni hija “żieda fl-awtoritajiet”, filwaqt li akkużah b’retorika populista. Il-Prim Ministru sostna li l-impjiegi nħolqu permezz tal-investiment u mhux sempliċement billi ddaħħlu aktar ħaddiema barranin. 

Abela semma wkoll l-AI, l-awtomazzjoni u r-robotika bħala parti mis-soluzzjoni għall-isfidi relatati mal-popolazzjoni, filwaqt li akkuża lill-PN b’inkonsistenzi fil-figuri ekonomiċi tal-proposti tiegħu. 

Borg wieġeb li d-differenza bejnu u Abela hija li l-Prim Ministru “jattakka l-proposti tal-Oppożizzjoni flok jippreżenta ideat ġodda”. Fuq il-kritika relatata man-numri, Borg qal li “Abela jista’ jattakka n-numri iżda mhux l-ideat tagħna”. 

It-tensjoni kompliet tiżdied meta Borg semma l-proposta tal-PN biex tonqos il-VAT fuq ir-ristoranti. Abela argumenta li dan joħloq diskriminazzjoni bejn setturi differenti u insista li “n-numri huma kollox”. 

Fuq il-procurement pubbliku, Abela qal li s-sistema hija b’saħħitha u trasparenti, iżda Borg ma qabilx u qal li bħalissa s-settur qed ikun iddominat minn direct orders. Huwa wiegħed li taħt Gvern Nazzjonalista, direct orders ikunu “l-eċċezzjoni u mhux ir-regola”. 

Borg u Abela ħabtu wkoll fuq Għawdex.

Abela semma inizjattivi bħall-Gozo Regional Development Authority u miżuri dwar il-konnettività tal-gżira, filwaqt li ta daqqa lill-PN dwar il-pożizzjoni tiegħu fuq high-rise buildings f’Għawdex. 

Min-naħa tiegħu, Borg qal li bħala Għawdxi jaf il-problemi tal-gżira mill-esperjenza personali u wiegħed investiment fil-port ta’ Għawdex biex jilqa’ aktar vapuri tal-Gozo Channel. 

Lejn tmiem id-dibattitu, il-konfront bejn iż-żewġ mexxejja sar aktar jaħraq meta Borg qal li Robert Abela “sempliċement iffirma” il-ftehim biex Manoel Island tingħata lura lill-pubbliku wara li l-attivisti għamlu x-xogħol kollu. 

Abela wieġeb billi staqsa lil Borg min huma l-esperti wara l-proposta tal-fuel hub tal-PN, bil-Kap Nazzjonalista jwieġeb lura billi staqsa “liema fuel smuggler iltaqa’ miegħu Abela”. 

Fl-għeluq tiegħu, Borg akkuża lil Abela b’“politika żgħira” u qal li l-manifest tal-PN huwa mibni fuq proposti tan-negozji stess. Huwa semma wkoll il-bżonn ta’ sistema ċentralizzata għall-entitajiet kollha tal-Gvern. 

Min-naħa tiegħu, Abela qal li l-manifest tal-PN jiddependi fuq setturi ekonomiċi li għadhom ma jeżistux u sostna li l-komunità tan-negozji tifhem l-importanza ta’ kalkoli serji u kredibilità. Huwa ppreżenta lilu nnifsu bħala mexxej “kompetenti, kredibbli u ppruvat”. 

More in Elezzjoni 2026