Il-PL jiġbor rekord ta’ €1.8 miljun waqt maratona ġbir ta’ fondi fl-Imqabba

Il-Partit Laburista ġabar rekord ta’ €1,880,258 waqt maratona ta’ ġbir ta’ fondi organizzata fl-Imqabba bħala parti mill-kampanja elettorali għall-elezzjoni ġenerali tat-30 ta’ Mejju

Il-PL ġabar rekord ta 1.8
Il-PL ġabar rekord ta 1.8

Il-Partit Laburista lbieraħ filgħaxija ħabbar li ġabar rekord ta’ €1,880,258 waqt maratona ta’ ġbir ta’ fondi li saret fl-Imqabba bħala parti mill-kampanja elettorali tiegħu.

Iċ-ċifra tħabbret mill-Kap Eżekuttiv tal-partit Leonid McKay fi tmiem l-attività, fejn qal li dan kien l-akbar ammont li qatt inġabar mill-Partit Laburista waqt maratona ta’ ġbir ta’ fondi.

McKay irringrazzja lil dawk kollha li taw donazzjonijiet matul il-maratona, kif ukoll lill-kumitati lokali, il-voluntiera u l-istaff tal-istazzjon ONE għax-xogħol tagħhom sabiex jintlaħaq dan ir-riżultat.

Preżenti fi tmiem il-maratona kien hemm ukoll membri tal-amministrazzjoni tal-Partit Laburista, fosthom id-Deputati Mexxejja Ian Borg u Alex Agius Saliba.

Il-maratona tal-ġbir ta’ fondi saret fl-istess waqt ta’ mass meeting organizzat mill-Partit Laburista fl-Imqabba, li għalih attendew eluf ta’ partitarji.

L-attività għalqet b’diskors mill-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela bħala parti mill-kampanja elettorali li qed twassal għall-elezzjoni ġenerali tat-30 ta’ Mejju.

More in Elezzjoni 2026