Il-Mexxej Laburista Robert Abela lbieraħ qal li l-votanti għandhom għażla ċara quddiemhom fl-elezzjoni tat-30 ta’ Mejju bejn “tim b’saħħtu” tal-Partit Laburista u “l-vojt madwar Alex Borg”.
Waqt mass meeting organizzat mill-PL fl-Imqabba, Abela qal li l-Gvern Laburista għandu tim lest biex ikompli jaħdem “għall-Malta li nħobbu lkoll”.
“Min se jmexxikom bl-aħjar mod possibbli? Jien, u d-Deputat Prim Ministru Ian Borg u t-tim tagħna, jew Alex Borg u l-vojt ta’ madwaru?” staqsa Abela lill-folla preżenti.
Il-Prim Ministru appella wkoll lil dawk li għadhom ma ġabrux id-dokument tal-vot biex jagħmlu dan, filwaqt li qal li l-vot huwa dritt fundamentali.
“Huwa d-dritt tagħkom. Tħallux lil ħaddieħor jiddeċiedi għalikom,” qal Abela.
Huwa indirizza wkoll lil dawk li jistgħu jħossuhom diżappuntati jew li għandhom xi lmenti, u sostna li l-Partit Laburista lest jisma’ u jiddiskuti.
“Jekk tħossu li hemm bżonn aktar diskussjoni, tkellmu magħna għax aħna lesti nisimgħu,” qal il-Mexxej Laburista.
Matul id-diskors tiegħu, Abela għamel referenza għal diversi proposti elettorali tal-PL, fosthom is-super bonus, filwaqt li sostna li l-partit ilu għal 13-il sena “iżomm kelmtu”.
“Hemm differenza kbira bejn wegħdiet u kredibbiltà. Magħna tafu fejn qegħdin u aktar importanti tafu fejn sejrin,” sostna Abela.
Huwa qal ukoll li bħalissa “hemm manifest wieħed biss quddiem il-poplu”, b’referenza għall-manifest Laburista, filwaqt li kkritika lill-Oppożizzjoni dwar il-costings tal-proposti tagħha.
“Irrid il-fiduċja tagħkom biex inkompli nmexxi l-pajjiż ’il quddiem. Irrid il-fiduċja tagħkom biex il-ħolm tagħkom isir il-proġett tagħna,” qal Abela fost għajjat ta’ appoġġ mill-partitarji.
Qabel Abela, indirizza l-attività wkoll il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana, li fid-diskors tiegħu ffoka fuq il-ġustizzja soċjali u għamel referenza għal dak li sejjaħ “l-awsterità ta’ amministrazzjonijiet Nazzjonalisti tal-passat”.
Caruana rrakkonta memorja personali dwar it-telfa elettorali tal-1998, fejn qal li kien ra lil nannuh jibki għall-ewwel darba.
“Dawk kienu dmugħ ta’ persuna li kienet taf li t-telfa tfisser ġenerazzjonijiet ta’ nies mingħajr ġustizzja soċjali,” qal Caruana.
Il-Ministru tal-Finanzi sostna li l-finanzi b’saħħithom tal-pajjiż ippermettew lill-Gvern iżid il-pensjonijiet, inaqqas it-taxxi u jqassam il-ġid.
“L-għażla f’din l-elezzjoni hija bejn partit li żvujta l-kaxxa ta’ Malta u partit li reġa’ mela din il-kaxxa darba wara l-oħra,” qal Caruana.
Huwa qal ukoll li l-Partit Laburista għandu missjoni soċjali favur il-ħaddiema, il-familji u dawk vulnerabbli, filwaqt li semma wkoll l-investiment fil-qasam tal-IVF u servizzi oħra soċjali.
Il-mass meeting sar hekk kif il-kampanja elettorali qabżet nofs triqitha u fl-istess jum li ġew ippubblikati diversi sondaġġi politiċi.
Skont sondaġġ ippubblikat mill-gazzetta oħt MaltaToday, il-Partit Laburista jinsab fuq quddiem bi vantaġġ ta’ madwar 17,400 vot fuq il-Partit Nazzjonalista fuq turnout stmat ta’ 77%.
Madankollu, is-sondaġġ indika wkoll li madwar 59,000 votant għadhom indeċiżi.
Sondaġġ ieħor ippubblikat minn Times of Malta ta lill-PL vantaġġ akbar ta’ madwar 28,600 vot, filwaqt li stħarriġ ippubblikat mill-istatistiku Vince Marmara s-Sibt ta lill-Partit Laburista vantaġġ ta’ madwar 29,000 vot.