Il-PL iniedi l-manifest elettorali b’wegħda ta’ “qabża ta’ kwalità” għall-familji u l-ekonomija

Il-Partit Laburista nieda l-manifest elettorali tiegħu bit-tema “Int Malta. Il-ħolma tiegħek. Il-proġett tagħna.”, b’wegħdiet ta’ aktar tkabbir ekonomiku, investiment fil-benesseri u viżjoni fit-tul għal Malta sal-2050, inkluż pjan biex il-pajjiż isir “l-aktar AI-friendly fl-Ewropa”. 

Il-Partit Laburista nieda uffiċjalment il-manifest elettorali tiegħu waqt konferenza politika li saret il-Ġimgħa filgħaxija, fejn ippreżenta viżjoni mifruxa fuq diversi oqsma bil-għan li, skont il-partit, tkompli ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin fis-snin li ġejjin.  

Bit-tema “Int Malta. Il-ħolma tiegħek. Il-proġett tagħna.”, il-manifest jiġbor fih mijiet ta’ proposti marbuta mal-ekonomija, ix-xogħol, l-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni, is-saħħa, l-ambjent, it-trasport u l-governanza, filwaqt li l-Partit Laburista qed jippreżentah bħala pjan fit-tul li jħares lejn Malta sal-2050.  

Fil-messaġġ introduttorju tal-manifest, il-PL sostna li l-aħħar 13-il sena wasslu għal tkabbir ekonomiku b’saħħtu, aktar impjiegi u aktar investiment fil-familji u n-negozji. Il-partit qal li dawn ir-riżultati taw il-pedament biex pajjiżna “jagħmel il-qabża li jmiss” fil-kwalità tal-ħajja.  

Fost il-miri ewlenin imħabbra hemm impenn biex il-benesseri tal-familji jitjieb b’aktar minn 25%, li Malta titla’ fost l-ewwel għaxar pajjiżi fid-dinja fil-kejl tal-iżvilupp uman tan-Nazzjonijiet Uniti sal-2050, u li d-dħul disponibbli tal-familji Maltin u Għawdxin jilħaq 135% tal-medja Ewropea.  

Il-PL qed iwiegħed ukoll li jżomm rata baxxa ta’ qgħad qrib it-3%, filwaqt li sostna li fil-ħames snin li ġejjin l-ekonomija Maltija għandha tkompli tikber b’rata medja ta’ 4% fis-sena.  

Parti ċentrali tal-manifest hija l-introduzzjoni ta’ dak li l-PL qed isejjaħlu “Indiċi tal-Benesseri”, li għandu jkejjel mhux biss it-tkabbir ekonomiku iżda wkoll aspetti oħra relatati mal-kwalità tal-ħajja bħas-saħħa, il-ħin liberu, l-ambjent, l-akkomodazzjoni, il-parteċipazzjoni ċivika, u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja.  

Il-partit sostna li dan l-indiċi huwa maħsub biex ikejjel “kemm il-ġid jinħass fil-ħajja ta’ kuljum” u qal li l-miżuri proposti għandhom iwasslu għal titjib sostanzjali fil-kwalità tal-ħajja tal-poplu.  

Fil-qasam ekonomiku, il-PL qed jagħti prijorità lill-iżvilupp ta’ setturi ġodda ta’ valur miżjud għoli, fosthom l-intelliġenza artifiċjali, il-blockchain, il-qasam spazjali, il-fintech, il-manifattura avvanzata u s-semiconductors. Il-manifest jisħaq fuq il-ħtieġa li Malta tattira investiment “ta’ kwalità” li joħloq impjiegi professjonali u b’inqas pressjoni fuq l-infrastruttura.  

Il-PL qed iwiegħed investiment annwali ta’ €100 miljun fid-diġitalizzazzjoni u fl-użu ta’ teknoloġiji emerġenti bħall-AI, is-sigurtà ċibernetika, il-quantum computing u r-robotika, filwaqt li qal li Malta għandha ssir “l-aktar pajjiż AI-friendly fl-Ewropa”.  

Il-manifest jinkludi wkoll diversi miżuri favur in-negozji żgħar u medji. Fosthom hemm proposta biex kumpaniji b’turnover sa €1 miljun ikunu ntaxxati b’rata ta’ 25% flok 35% fuq profitti reinvestiti, kif ukoll skema ġdida SMEBoost għal persuni self-employed.  

Il-partit qed iwiegħed ukoll aktar simplifikazzjoni fil-burokrazija permezz ta’ servizzi diġitali, business portal ġdid u one-stop-shop għan-negozji, filwaqt li sostna li se jkompli jaħdem biex in-negozji jkollhom aċċess aktar faċli għall-finanzjament u għall-investiment.  

Fuq livell soċjali, il-manifest jagħmel referenza għal aktar investiment fil-pensjonijiet, l-akkomodazzjoni affordabbli, l-edukazzjoni u s-servizzi tas-saħħa, flimkien ma’ miżuri relatati mas-saħħa mentali, il-benesseri u l-attività fiżika.  

Il-PL qed iwiegħed ukoll aktar spazji miftuħa u żoni ħodor, investiment fl-enerġija rinnovabbli u trasport aktar sostenibbli bħala parti mill-miri ambjentali tiegħu għas-snin li ġejjin.  

Fil-konklużjoni tal-introduzzjoni tal-manifest, il-Partit Laburista sostna li għandu “l-kompetenza u l-kredibbiltà biex iwettaq” dak li qed jipproponi, filwaqt li argumenta li l-proposti tiegħu huma “ideat ġodda, prattiċi u realistiċi” maħsuba biex jagħmlu l-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin “eħfef, isbaħ u aħjar”. 

 

More in Elezzjoni 2026