Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg ħabbar pakkett ta’ miżuri ġodda mmirati lejn iż-żgħażagħ waqt konferenza tal-aħbarijiet nhar il-Ġimgħa.
Fost il-proposti ewlenin imħabbra kien hemm estensjoni tal-iskema tal-għajnuna bid-depożitu għall-first-time buyers sabiex tirrifletti “r-realtajiet tal-lum”.
Borg qal li Gvern Nazzjonalista jkun qed jagħti sa €45,000 għall-10% depożitu fuq proprjetà sa €450,000, mingħajr imgħax u rifuż fuq medda ta’ 40 sena.
Il-Kap tal-PN ħabbar ukoll proposta biex il-Gvern iħallas lura nofs l-imgħax tas-self tad-dar għall-ewwel għaxar snin.
Skont il-proposta, kull xahar il-Gvern jiddepożita fil-kont bankarju tax-xerrej ammont ekwivalenti għal nofs l-imgħaxijiet fuq il-home loan.
Borg qal li l-ewwel snin wara xiri ta’ proprjetà huma l-aktar diffiċli finanzjarjament għal koppji żgħażagħ.
Il-PN qed jipproponi wkoll eżenzjoni fuq il-bolla għall-first-time buyers fuq l-ewwel €350,000 tal-valur tal-proprjetà.
“Fuq l-ewwel €350,000 tal-prezz tal-proprjetà ma titħallas ebda taxxa,” qal Borg.
Fost il-miżuri ekonomiċi, il-Kap tal-PN ħabbar eżenzjoni sħiħa mit-taxxa fuq id-dħul għal ħames snin għal żgħażagħ Maltin u Għawdxin li jidħlu fid-dinja tax-xogħol bħala impjegati jew self-employed.
Il-miżura tapplika għal dħul sa €50,000 fis-sena u għal persuni li kienu residenti Malta għal mill-inqas 10 snin matul l-aħħar 15-il sena.
Borg qal li ż-żgħażagħ ikunu jistgħu jagħżlu meta jużaw dawn il-ħames snin matul l-ewwel għaxar snin tal-karriera tagħhom.
Il-PN qed jipproponi wkoll żieda ta’ 25% fl-istipendji tal-istudenti kollha.
Borg qal li din il-miżura għandha tgħin lill-istudenti u lill-familji tagħhom jaffaċċjaw l-għoli tal-ħajja filwaqt li tkompli tħeġġeġ aktar investiment fl-edukazzjoni.
Il-pakkett jinkludi wkoll il-proposta “Youth Pension Kick Start”, li permezz tagħha persuni taħt il-35 sena li jidħlu fi skema ta’ pensjoni privata jirċievu €1,000 fis-sena għal ħames snin.
Skont il-PN, dan ifisser kontribuzzjoni diretta ta’ €5,000 biex iż-żgħażagħ jibdew jippjanaw għall-futur tagħhom minn età żgħira.
Borg ħabbar ukoll appoġġ addizzjonali għal studenti taħt il-35 sena li huma wkoll ġenituri.
Dan l-appoġġ, li jkun ekwivalenti għal paga minima, għandu jgħin lil dawn l-istudenti jkomplu jistudjaw mingħajr ma jkollhom jagħżlu bejn l-edukazzjoni u r-responsabbiltajiet tal-familja.
Fuq is-saħħa mentali, il-Kap tal-PN qal li Gvern Nazzjonalista jniedi inizjattivi edukattivi biex titnaqqas l-istigma marbuta mat-terapija u l-għajnuna għas-saħħa mentali.
“Li titlob l-għajnuna mhix dgħjufija, iżda pass kuraġġuż u responsabbli,” qal Borg.
Il-PN qed jipproponi wkoll aktar aċċess għal servizzi ta’ saħħa sesswali għaż-żgħażagħ, inklużi counselling, screening u mezzi ta’ prevenzjoni b’mod sigur u diskret.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, Borg ikkummenta wkoll dwar il-każ fin-Naxxar fejn diversi familji kellhom jiġu evakwati wara inċident fuq sit ta’ kostruzzjoni. Huwa ddeskriva l-inċident bħala “ċertifikat ta’ 13-il sena Gvern Laburista”, filwaqt li rrefera wkoll għall-mewt ta’ Jean Paul Sofia u sostna li minkejja l-wegħdi ta’ riformi, inċidenti fuq il-postijiet tax-xogħol baqgħu jseħħu. Borg qal li ħafna mill-inkjesti u r-rakkomandazzjonijiet “jispiċċaw fuq l-ixkaffa sal-inċident li jmiss”.