Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg ħabbar sensiela ta’ proposti ġodda relatati mas-sigurtà nazzjonali, fosthom il-ħolqien ta’ task force konġunta bejn il-pulizija u l-Forzi Armati ta’ Malta biex tiġġieled it-traffikar tad-droga, it-traffikar tal-bnedmin u l-immigrazzjoni illegali.
Borg tkellem dwar dawn il-proposti waqt attività politika f’Raħal Ġdid flimkien mal-ħames kandidati tal-partit fuq ir-raba’ distrett.
“Tkunu intom il-protagonisti tal-futur ta’ pajjiżna,” qal Borg lil dawk preżenti, filwaqt li sostna li taħt Gvern Nazzjonalista “l-bibien ta’ Kastilja jkunu miftuħa għall-Maltin u l-Għawdxin kollha”.
Il-Kap tal-PN qal li fl-2013 Malta kellha popolazzjoni ta’ madwar 420,000 persuna, li minnhom madwar 20,000 kienu barranin.
Huwa qal li llum il-popolazzjoni qabżet il-570,000, b’madwar 170,000 resident barrani jgħixu fil-pajjiż.
Borg irrefera wkoll għal kummenti tal-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana li kien qal li jekk il-mudell ekonomiku attwali jibqa’ l-istess, Malta tista’ tilħaq popolazzjoni ta’ 800,000 persuna fi żmien 14-il sena.
Skont Borg, it-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż kien mibni fuq l-importazzjoni ta’ ħaddiema barranin mingħajr direzzjoni ċara u mingħajr investiment adegwat fl-infrastruttura.
Huwa qal li dan wassal biex persuni qed jistennew sigħat twal fid-dipartimenti tal-emerġenza tal-isptarijiet, skejjel iffullati u korpi dixxiplinati li qed isibu diffikultà biex ilaħħqu mar-realtajiet il-ġodda.
Dwar is-sigurtà, Borg qal li t-task force proposta tkun mgħammra b’riżorsi umani u intelligence biżżejjed biex tindirizza t-traffikar tad-droga, it-traffikar tal-bnedmin, il-kriminalità organizzata u l-kontroll tal-fruntieri marittimi tal-pajjiż.
Huwa sostna li d-daqs żgħir ta’ Malta u l-fruntieri marittimi tagħha jagħtu vantaġġ naturali fil-kontroll tal-fruntieri li mhux qed jintuża b’mod effettiv.
Il-Kap tal-PN ħabbar ukoll proposta biex jiġi riformat l-Immigration Appeals Board sabiex ikun aktar indipendenti, trasparenti u accountable.
Skont il-proposta, il-bord ikun immexxi minn membru tal-ġudikatura minflok persuna maħtura politikament.
Biex jindirizza l-immaniġġjar tal-popolazzjoni, Borg qal li Gvern Nazzjonalista jwaqqaf Awtorità Nazzjonali magħmula minn esperti u teknokratiċi indipendenti mill-politika biex tfassal pjan ċar dwar il-livelli tal-popolazzjoni u tiżgura li t-toroq, l-isptarijiet u l-iskejjel ilaħħqu mad-domanda.
Huwa ħabbar ukoll żewġ one-stop shops ġodda — wieħed għaċ-ċittadini Maltin u Ewropej biex jieħdu ħsieb passaporti, identity cards u ċertifikati, u ieħor għall-employers u third-country nationals biex tonqos il-burokrazija li, skont il-PN, qed toħloq piż fuq in-negozji.
Dwar il-lingwa Maltija, Borg qal li kull third-country national li jaħdem f’impjieg mal-pubbliku jkun obbligat jagħmel kors bażiku tal-Malti fl-ewwel sena tiegħu f’Malta.
“Jekk aħna l-Maltin u l-Għawdxin ma nħarsux il-lingwa Maltija, min se jagħmel dan?” qal Borg.
Il-Kap tal-PN sostna wkoll li l-Partit Laburista qed jattakka diversi proposti tal-PN u wara jispiċċa jadottahom.
Borg semma bħala eżempji l-proposti dwar it-taxxa fuq il-wirt, il-mediċini tal-kanċer b’xejn u l-Child Trust Fund ta’ €5,000 għal kull tarbija.
L-attività ġiet indirizzata wkoll mill-kandidati tal-PN fuq ir-raba’ distrett Bernice Bonello, Duncan Borg Myatt, Stefan Caruana, Michael Piccinino u Mark Anthony Sammut.