Abela jħabbar grants għal familji kbar, ħaddiema ’l fuq minn 61 sena u bini sostenibbli

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar sensiela ta’ miżuri ġodda f’Ħaż-Żebbuġ, fosthom għotjiet għal ġenituri bi tlett itfal jew aktar, benefiċċji għal persuni li jibqgħu jaħdmu wara l-età ta’ 61 sena u appoġġ għal bini sostenibbli

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar sensiela ta’ miżuri ġodda waqt attività politika f’Ħaż-Żebbuġ, immirati lejn ġenituri bi tlett itfal jew aktar, persuni li jibqgħu jaħdmu wara l-età tal-irtirar u dawk li jinvestu f’bini sostenibbli.

Abela qal li Gvern Laburista ġdid se jagħti għotja ta’ €5,000 lil ġenituri li għandhom tlett itfal jew aktar biex jgħinhom jixtru vettura akbar.

Huwa ħabbar ukoll li jekk il-vettura tkun elettrika, l-għotja tiżdied għal €12,000.

Il-Prim Ministru qal li dawn il-ġenituri jaffaċċjaw spejjeż differenti minn familji oħra u għalhekk għandhom jingħataw aktar sostenn.

Fost il-miżuri mħabbra kien hemm ukoll benefiċċju ġdid għal persuni li jagħlqu 61 sena u jagħżlu li jibqgħu jaħdmu minflok jirtiraw.

Abela qal li dawn il-persuni, apparti li se jibbenefikaw mis-super bonus ta’ €1,000 u l-possibbiltà li jgħaddu l-bolol żejda lill-konjuġi tagħhom, se jingħataw ukoll benefiċċju addizzjonali ta’ €500 fis-sena għal erba’ snin.

Skont il-Prim Ministru, dan ifisser sostenn ta’ €2,000 addizzjonali sal-età tal-irtirar ta’ 65 sena.

Abela ħabbar ukoll miżura ġdida favur il-bini sostenibbli.

Huwa qal li persuni li qed jippjanaw li jibnu bini li juża inqas enerġija se jingħataw lura l-ispejjeż kollha relatati mat-tariffi tal-ippjanar.

Il-Prim Ministru sostna li dawn il-miżuri huma parti mill-viżjoni tal-Gvern biex joffri aktar sostenn lill-familji, lill-ħaddiema u lil dawk li jagħżlu investimenti sostenibbli.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li sal-Ġimgħa l-Partit Laburista se jkun qed jippubblika l-manifest elettorali tiegħu waqt il-kungress tal-partit.

Huwa appella wkoll lill-votanti biex ma jastjenux fl-elezzjoni tat-30 ta’ Mejju.

Abela qal li waqt li ekonomiji barranin qed jaffaċċjaw kriżijiet u miżuri ta’ awsterità, Malta qed tkompli tavvanza “qisu ma qed jiġri xejn”.

Madankollu, huwa sostna li l-ekonomija Maltija tinsab biss “ftit deċiżjonijiet ħżiena ’l bogħod” minn kif kienet qabel l-2013.

Il-Prim Ministru attakka wkoll lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, fejn sostna li “ma jafx il-bażi tal-ekonomija”.

Qabel Abela tela’ fuq il-palk, l-eks Deputat Prim Ministru Chris Fearne indirizza lill-partitarji fejn tkellem dwar il-perjodu diffiċli li għadda minnu flimkien mal-familja tiegħu matul dawn l-aħħar sentejn wara li tressaq il-qorti dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet Vitals.

Fearne fakkar li kien irreżenja minn Deputat Prim Ministru ftit aktar minn sentejn ilu wara li ġew ippreżentati akkużi kriminali marbuta mal-privatizzazzjoni kontroversjali tal-isptarijiet pubbliċi.

Huwa qal ukoll li kien fil-mira ta’ “smear campaign internazzjonali” minn kumpaniji privati tal-intelligence impjegati minn Steward Healthcare.

Fearne rrakkonta kif mara resqet lejh u qaltlu li salva l-ħajja ta’ binha tliet darbiet — darba bħala tabib u darbtejn bħala ministru.

Skont Fearne, dik l-esperjenza fakkritu li s-servizz lejn il-pajjiż huwa “l-ogħla privileġġ”.

More in Elezzjoni 2026