Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar sensiela ta’ miżuri ġodda mmirati lejn l-anzjani u l-pensjonanti waqt attività politika f’Ħal Għaxaq.
Fost il-miżuri ewlenin imħabbra hemm il-pjan tal-Gvern biex sal-2028 tkun indirizzata kompletament l-inġustizzja li nħolqot bejn pensjonanti mwielda qabel u wara l-1962.
Abela qal li sal-2028 l-ogħla dħul pensjonabbli se jkun l-istess għall-pensjonanti kollha, irrispettivament minn meta twieldu.
Il-Prim Ministru ħabbar ukoll li l-bonus mogħti lil persuni li ħallsu l-bolol iżda ma kkwalifikawx għal pensjoni se jibda jiżdied kull sena skont il-COLA.
Fost il-miżuri finanzjarji l-oħra, l-Għotja għal Ċittadini Anzjani li għandhom aktar minn 75 sena se terġa’ tiżdied b’€200 oħra.
Abela ħabbar ukoll żieda fl-għajnuna finanzjarja mogħtija lill-anzjani li jkollhom live-in carer, b’din tiżdied minn €9,000 għall-ekwivalenti tal-paga minima nazzjonali, jiġifieri kważi €11,000.
Miżura oħra mħabbra hija relatata mal-użu tat-teknoloġija fil-kura tal-anzjani.
Persuni li għandhom aktar minn 80 sena u jgħixu waħedhom se jingħataw smart wearable device biex is-saħħa tagħhom tkun tista’ tiġi monitorjata kontinwament u biex, f’każ ta’ emerġenza, tittieħed azzjoni immedjata.
Skont il-Prim Ministru, l-apparat se jkun kapaċi jimmonitorja sinjali ta’ deterjorament fis-saħħa, ikejjel il-livell ta’ idrazzjoni u r-rata tal-qalb, kif ukoll ifakkar lill-anzjani meta jkollhom jieħdu l-mediċina tagħhom.
Abela ħabbar ukoll aktar investiment fiċ-Ċentri għall-Anzjanità Attiva, li joffru spazji fejn l-anzjani jistgħu jibqgħu attivi fiżikament, mentalment u soċjalment.
Huwa qal li l-Gvern se jkompli jaħdem mal-kunsilli lokali biex jiżdiedu l-ġranet tal-ftuħ ta’ dawn iċ-ċentri, jitwessgħu l-attivitajiet offruti u jinfetħu ċentri ġodda madwar il-pajjiż.
Fost il-proposti mħabbra hemm ukoll estensjoni tas-servizz ta’ trasport b’xejn għall-anzjani, magħruf bħala s-Silver T.
Dan is-servizz se jibda jiġi offrut ukoll f’ħinijiet oħra matul il-ġurnata u mhux biss f’ċertu perjodi, filwaqt li l-vjaġġi se jkunu jistgħu jsiru wkoll lil hinn mil-lokalità fejn joqogħdu l-utenti.
Abela bena d-diskors tiegħu madwar il-kunċett tal-ġustizzja soċjali, fejn qal li l-prestazzjoni ekonomika b’saħħitha ta’ Malta — li ddeskriva bħala t-tmien l-aktar ekonomija produttiva fl-Unjoni Ewropea — tfisser li wasal iż-żmien biex in-nies igawdu mill-ġid li qed jinħoloq.
Waqt l-attività politika, il-Prim Ministru attakka wkoll lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, fejn akkużah li qed jikkontradixxi lilu nnifsu dwar il-ħaddiema barranin u ċanfar proposta li, skont hu, kienet tinvolvi pompa tal-petrol “f’nofs il-baħar”.
Abela sostna wkoll li l-pjan tal-PN biex titneħħa t-taxxa tas-suċċessjoni se tħalli lill-familji f’pożizzjoni agħar, għax skont hu dawn jispiċċaw esposti għat-taxxa fuq il-qligħ kapitali.
Il-Prim Ministru appella lis-supporters biex ma jemmnux dak li sejjaħ bħala propaganda li qed tiċċirkola fuq il-midja soċjali, filwaqt li wissa li qed jintużaw “kull mezz possibbli” kontra l-Partit Laburista.
“Din hija l-aktar elezzjoni diffiċli li qatt iffaċċja partit elett fil-Gvern,” qal Abela, waqt li appella lil kull votant biex joħroġ jivvota fit-30 ta’ Mejju.
L-attività kienet indirizzata wkoll mill-kandidati Laburisti Glen Bedingfield u Jonathan Attard.