€650 żieda fil-pensjoni u grants sa €2,000: Il-PN iħabbar pakkett ġdid ta’ miżuri għall-anzjani u n-nanniet

Il-Partit Nazzjonalista ħabbar sensiela ta’ proposti ġodda għall-pensjonanti u l-anzjani, fosthom żieda minima ta’ €650 fis-sena fil-pensjonijiet, grants sa €2,000 għan-nanniet u nisa li rabbew il-familja, kif ukoll għajnuniet finanzjarji ġodda għal anzjani li jgħixu d-dar

Il-Partit Nazzjonalista ħabbar sensiela ta’ proposti finanzjarji ġodda mmirati lejn il-pensjonanti, l-anzjani u n-nanniet, fosthom żidiet fil-pensjonijiet, grants ġodda u tnaqqis fil-ħlasijiet tad-djar tal-anzjani.

Il-miżuri tħabbru t-Tnejn filgħodu mill-Kap tal-PN Alex Borg, li qal li l-proposti għandhom l-għan li “jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-anzjani u jagħtu aktar dinjità lill-pensjonanti.”

Tnaqqis fil-ħlasijiet tad-djar tal-anzjani

Fost il-miżuri ewlenin hemm proposta biex jitnaqqsu l-miżati għal residenti li jgħixu fi djar tal-anzjani tal-Gvern.

Skont il-PN, din il-miżura waħedha twassal biex residenti jiffrankaw madwar €3,600 fis-sena.

€2,000 lin-nanniet li jieħdu ħsieb in-neputijiet

Il-partit qed jipproponi wkoll grant ta’ €2,000 għal kull wild li jieħdu ħsiebu n-nanniet.

Il-miżura hija maħsuba biex tappoġġja nanniet li jgħinu lill-familji billi jieħdu ħsieb lin-neputijiet tagħhom fuq bażi regolari.

Għotjiet annwali għal anzjani li jgħixu d-dar

Il-PN qed iwiegħed ukoll għajnuniet finanzjarji differenti għal anzjani li għadhom jgħixu fid-dar tagħhom.

Skont il-proposti, persuni bejn is-70 u l-74 sena jirċievu €500 fis-sena, dawk bejn il-75 u d-79 sena jingħataw €850 fis-sena, filwaqt li anzjani ta’ aktar minn 80 sena jkunu eliġibbli għal €1,050 fis-sena.

Żieda fil-pensjonijiet

Il-partit wiegħed ukoll żieda minima ta’ €650 fis-sena fil-pensjonijiet, bil-PN jisħaq li ż-żieda tkun tapplika għall-pensjonanti kollha.

Aktar benefiċċji fiskali

Fost il-proposti fiskali mħabbra hemm żieda fir-rifużjoni tat-taxxa għal persuni bi pensjoni privata.

Skont il-PN, it-tax rebate jiżdied minn €750 għal €1,000, filwaqt li l-limitu massimu eliġibbli taħt l-iskema jogħla minn €3,000 għal €4,000.

Persuni li jgħixu fi djar privati tal-kura jibbenefikaw ukoll minn kreditu tat-taxxa ogħla, bil-limitu jiżdied minn €4,500 għal €7,000.

Għajnuna għal nisa li ħallew ix-xogħol biex irawwmu familja

Il-PN wiegħed ukoll grant annwali ta’ €2,000 għal nisa li telqu mix-xogħol sabiex irabbu lill-familja tagħhom.

Il-partit qal li din il-miżura mistennija tibbenefika madwar 3,000 familja.

More in Elezzjoni 2026