Servizz tal-vapur bejn Għawdex u Malta b’xejn għal dawk kollha li jaqsmu bil-pass, servizz ġdid ta’ air taxi u investiment sostanzjali fl-infrastruttura kienu fost il-proposti ewlenin imħabbra waqt id-diskors politiku mill-priministru Robert Abela ġewwa x-Xagħra, f'Għawdex.
Fost l-aktar miżuri li spikkaw kien hemm il-wegħda li l-vjaġġi bil-vapur għal Maltin u Għawdxin li jaqsmu bejn iż-żewġ gżejjer bil-pass isiru bla ħlas, pass li ġie deskritt bħala miżura biex jitnaqqas il-piż finanzjarju fuq il-familji u l-ħaddiema Għawdxin.
Tħabbret ukoll il-ħolqien ta’ servizz ta’ “Air Taxi” bejn Malta u Għawdex bil-għan li tissaħħaħ il-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer u jitnaqqas iż-żmien tal-ivvjaġġar.
Fil-qasam tal-infrastruttura, intqal li fi żmien it-tliet snin li ġejjin għandu jitlesta programm ta’ mitt triq residenzjali ġdida f’Għawdex, filwaqt li ġie sostnut li diġà tlestew jew bdew xogħlijiet fuq tlettax-il triq.
Tħabbar ukoll li s-servizz Tallinja On Demand se jiġi estiż għal Għawdex, sabiex ir-residenti Għawdxin ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-istess sistema ta’ trasport li diġà tintuża f’Malta.
Proposta oħra importanti kienet dik ta’ interconnector ġdid bejn Malta u Għawdex biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku fil-gżira Għawdxija.
Fil-qasam edukattiv, tħabbar investiment biex fl-aħħar tal-ħames snin li ġejjin jiġu modernizzati l-iskejjel kollha f’Għawdex sabiex l-istudenti jingħataw ambjent aħjar għat-tagħlim.
Id-diskors inkluda wkoll wegħda għal ċentru ġdid għall-arti, id-disinn u l-kreattività bil-għan li tissaħħaħ l-identità kulturali Għawdxija u jingħata spazju ġdid lill-artisti.
Fost il-miżuri ekonomiċi, tħabbar li l-fondi kollha miġbura mill-eko-kontribuzzjoni mħallsa minn dawk li jżuru Għawdex se jibqgħu fil-gżira u jiġu investiti fi proġetti ta’ tisbiħ u infrastruttura lokali.
Negozji Għawdxin li jinvestu fit-taħriġ u l-iżvilupp tal-ħaddiema tagħhom se jkunu eliġibbli għal għotja ta’ €1,000 għal kull ħaddiem taħt skemi ta’ upskilling u reskilling.
Fil-qasam tas-saħħa, tħabbret ukoll spiżerija ġdida bir-robotika fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex biex il-kimoterapija tibda titħejja direttament f’Għawdex, bil-għan li pazjenti Għawdxin ma jkollhomx għalfejn jivvjaġġaw Malta għal dan is-servizz.
L-attività kienet indirizzata wkoll mill-kandidati tal-PL Rosianne Cutajar u Deo Debattista, b’dan tal-aħħar issejjaħ lil Robert Abela “anġlu”.