PN iwiegħed rifużjoni sħiħa tal-VAT lill-NGOs u skema biex jixtru proprjetà tal-Gvern

Alex Borg iħabbar miżuri ġodda favur l-għaqdiet volontarji waqt attività politika fiż-Żejtun.

Ritratt: PN
Ritratt: PN

 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg ħabbar sensiela ta’ miżuri ġodda favur l-NGOs u l-għaqdiet volontarji, fosthom rifużjoni annwali ta’ 100% tal-VAT li jħallsu fuq oġġetti u servizzi marbutin direttament mal-ħidma tagħhom.

Waqt attività politika fiż-Żejtun, Borg qal li taħt gvern Nazzjonalista, NGOs reġistrati u għaqdiet volontarji se jkunu jistgħu jirkupraw lura l-VAT kollha relatata mal-missjoni u l-operat tagħhom.

Skont il-Kap tal-PN, il-miżura għandha tgħin lill-għaqdiet volontarji jużaw aktar mir-riżorsi tagħhom direttament għall-komunità u għall-ħidma soċjali li jwettqu.

Alex Borg ħabbar ukoll proposta oħra mmirata lejn NGOs li ilhom snin joperaw minn proprjetajiet mikrija mill-Gvern.

Huwa qal li ħafna minn dawn l-għaqdiet investew riżorsi limitati biex iżommu u jadattaw dawn il-postijiet għall-benefiċċju pubbliku.

Borg sostna li gvern Nazzjonalista se jestendi l-prinċipju ta’ xiri ta’ proprjetà tal-Gvern għal NGOs eliġibbli, sabiex dawn ikollhom aktar stabbiltà u sigurtà fit-tul.

Skont il-PN, il-miżuri għandhom l-għan li jkomplu jsaħħu s-settur volontarju u jagħrfu l-kontribut li jagħmlu l-għaqdiet fis-soċjetà Maltija.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg tkellem dwar sensiela ta’ proposti ekonomiċi u fiskali waqt attività politika, fejn qal li gvern Nazzjonalista ġdid se jiffoka fuq niċeċ ekonomiċi ġodda u tnaqqis fil-piż finanzjarju fuq il-familji.

Fost il-proposti msemmija kien hemm il-ħolqien ta’ hub ġdid marbut mad-data, l-intelliġenza artifiċjali u s-settur spazjali, li skont Borg għandu jservi bħala niċċa ekonomika ġdida għall-pajjiż.

Huwa qal ukoll li l-PN qed jipproponi riforma fis-sistema tat-taxxa personali permezz ta’ sitt miżuri differenti, fosthom tibdil fit-tax brackets u l-introduzzjoni ta’ Skills Wallet ta’ €1,000 għal kull ċittadin Malti ’l fuq minn 18-il sena.

Alex Borg tenna wkoll il-wegħda tal-PN li taħt gvern ġdid il-kontijiet tad-dawl se jonqsu b’medja ta’ 30% minn Jannar li ġej.

Skont Borg, il-proposta tinkludi wkoll żieda fl-eco-reduction minn 2,000 għal 3,000 unit fis-sena, filwaqt li jitneħħa kompletament il-meter charge.

Matul id-diskors tiegħu, Borg reġa’ ddefenda l-proposta tal-PN għal Mediterranean Maritime Fuel Hub, li qal jista’ jiġġenera madwar €150 miljun fuq medda ta’ tliet snin.

Dan wara li l-Prim Ministru Robert Abela allega li l-proposta kienet ġejja minn kuntrabandist tal-fuel.

Borg qal li huwa ffirma affidavit ġuramentat li jikkonferma li qatt ma kellu kuntatt ma’ kuntrabandist jew kriminali, filwaqt li semma li l-proposta kienet approvata wkoll mill-Malta Maritime Forum.

Huwa sfida lill-Prim Ministru biex jagħmel rapport lill-pulizija jekk għandu xi prova, u qal li l-attakki tal-Partit Laburista juru “paniku” quddiem Oppożizzjoni li hija preparata.

Il-Kap tal-PN tenna wkoll il-wegħda tal-partit li jneħħi t-taxxa tas-suċċessjoni fuq proprjetà li tintiret.

Skont Borg, mhuwiex ġust li familji li ilhom snin jiffrankaw u jinvestu fi proprjetà, wara li jkunu diġà ħallsu t-taxxi fuqha, jispiċċaw iħallsu taxxa oħra meta jmut wieħed mill-ġenituri.

Alex Borg sostna wkoll li l-Partit Laburista qed “jikkopja” diversi proposti tal-PN, għalkemm qal li jilqa’ dan jekk ikun għall-ġid tan-nies.

Madankollu, huwa sostna li l-elettorat jaf jagħraf id-differenza bejn partit “b’viżjoni ġenwina” u ieħor li “jitfa’ l-flus lejn il-problemi qabel elezzjoni”.

Borg irrefera wkoll għad-dibattitu nazzjonali bejn il-mexxejja politiċi li kien ippjanat għat-Tnejn iżda ġie kkanċellat.

Huwa sostna li l-Prim Ministru rrifjuta li jattendi u qal li l-poplu Malti u Għawdxi jixraqlu opportunità biex jevalwa liż-żewġ mexxejja qabel jiddeċiedi l-vot tiegħu.

Fl-għeluq tad-diskors tiegħu, Borg appella lis-sostenituri biex iwasslu l-messaġġ tal-PN lil votanti ġodda, Laburisti diżillużi u Nazzjonalisti li ilhom ma jivvutaw.

Fost dawk li indirizzaw l-attività kien hemm ukoll il-kandidati Janice Abela Chetcuti, Andrew Agius, John Baptist Camilleri, Miriana Calleja Testaferrata de Noto, Errol Cutajar, Ray Gatt, Leone Sciberras u Stephen Spiteri, li kollha se jkunu qed jikkontestaw fuq it-tielet distrett.

More in Elezzjoni 2026