Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar sensiela ta’ proposti ġodda mmirati biex isaħħu l-ambjent tan-negozju f’Malta, b’enfasi partikolari fuq iż-żgħażagħ intraprendituri.
Waqt attività politika f’Santa Luċija, Abela qal li start-ups imwaqqfa minn żgħażagħ se jiġu eżentati mill-ħlasijiet tal-Malta Business Registry għall-ewwel ħames snin ta’ operat tagħhom.
Huwa ħabbar ukoll li dawn in-negozji ġodda se jibbenefikaw minn assistenza legali bla ħlas sabiex jgħinhom fl-ewwel passi tagħhom u biex jindirizzaw sfidi regolatorji u amministrattivi.
Robert Abela qal li l-gvern irid ikompli jinkoraġġixxi l-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ, filwaqt li semma wkoll l-iskema Intrapriża 16, li tippermetti lil żgħażagħ bejn is-16 u t-18-il sena jwaqqfu l-ewwel negozju tagħhom f’qafas regolat.
Skont il-Prim Ministru, gvern Laburista se jintroduċi wkoll programm ġdid ta’ mentoring fejn imprendituri Maltin se jiggwidaw żgħażagħ li jkunu qed jibdew in-negozju tagħhom.
Fost il-miżuri l-oħra mħabbra kien hemm il-ħolqien ta’ National Business Wallet – pjattaforma diġitali fejn in-negozji jkunu jistgħu jaħżnu dokumenti, permessi u liċenzji f’sistema waħda.
Abela qal li din is-sistema għandha tnaqqas il-burokrazija u tħaffef il-proċessi amministrattivi, filwaqt li tippermetti li data tingħata darba biss u tintuża mill-ġdid b’kunsens sigur.
Matul l-attività tkellem ukoll il-kandidat prospettiv Laburista Omar Rababah, li rrefera għall-mibegħda u l-abbuż li qal li rċieva fl-aħħar jiem wara li ħabbar il-pjan tiegħu li jikkontesta l-elezzjoni.
Il-Prim Ministru reġa’ tenna wkoll l-allegazzjonijiet tiegħu dwar il-proposta tal-PN għal bunkering facility offshore, fejn sostna li din kienet proposta minn “l-akbar kuntrabandist fil-pajjiż”.
B’mod aktar ġenerali, Robert Abela qal li l-ekonomija Maltija wriet reżiljenza quddiem sfidi riċenti u sostna li Malta għadha tattira investiment barrani.
Huwa qal li l-elezzjoni tat-30 ta’ Mejju se tkun għażla bejn ir-riskju li jintilfu l-kisbiet ekonomiċi jew il-kontinwazzjoni tal-pjan tal-gvern għall-futur tal-pajjiż.