“Jiena twelidt Malta” – Omar Rababah jikkonferma li se jitfa n-nomina tiegħu

Omar Rababah qal li l-aħħar jiem kienu diffiċli għalih u għall-familja tiegħu, iżda sostna li se jibqa’ jaħdem għal Malta.

Il-kandidat Laburista Omar Rababah ħabbar li se jkun qed jitfa n-nomina tiegħu għall-elezzjoni ġenerali li ġejja, minkejja l-kritika u l-kontroversja li nqalgħu wara li tħabbar li kien se jikkontesta mal-Partit Laburista.

F’diskors mqanqal minn emozzjoni, Rababah qal li l-aħħar jiem kienu “diffiċli” għalih u għall-familja tiegħu, iżda tenna li mhux se jħalli l-attakki jwaqqfuh milli jimxi ’l quddiem.

“Jiena twelidt Malta. Twelidt minn ġuf ommi Maltija,” qal Rababah hekk kif indirizza lil dawk preżenti f'Santa Luċija.

Huwa saħaq li se jibqa’ jiddefendi dak kollu li hu Malti u appella biex in-nies ma jħallux il-kummenti u l-attakki li qed isiru jaffetwawhom.

“Tħallux dak li qed jingħad hemm barra jaffettwakom. Aħna għandna nibqgħu magħqudin għal rebħa Laburista fit-30 ta’ Mejju,” sostna.

Rababah ammetta li ma kinitx deċiżjoni faċli għalih li jidħol fil-politika attiva, speċjalment fid-dawl tar-reazzjonijiet li qamu fl-aħħar jiem.

“Jiena n-nomina qiegħda fil-kexxun. Nista’ nagħżel li nitfagħha jew nista’ nagħżel li nieħu pass lura,” qal Rababah.

Madankollu, huwa qal li għażel li jibqa’ għaddej għax irid jaħdem għal Malta, minkejja “l-maltemp” li qal li nqala madwaru.

“Hemm min jgħidlek li meta xi ħadd iwaddablek il-ġebel jew toqgħod hemm taqla’, jew tuża dawk l-ġebel biex tibni palazz. U jien nagħżel li nibni palazz,” qal Rababah.

Huwa temm id-diskors tiegħu billi ħabbar uffiċjalment li se jkun qed jitfa’ n-nomina tiegħu għall-elezzjoni ġenerali.

More in Elezzjoni 2026