Il-partit Momentum esprima tħassib dwar problemi persistenti ta’ vandaliżmu u storbju matul il-lejl f’Tas-Sliema u l-Gżira, li skontu huma marbuta ma’ turiżmu ta’ divertiment u attivitajiet ta’ nightlife.
Fi stqarrija, il-partit qal li xeni ta’ persuni taħt l-effett tal-alkoħol rieqda fuq il-bankini saru komuni, filwaqt li l-ħsarat fuq vetturi qed jibqgħu problema f’dawn iż-żoni.
Momentum sostna li r-residenti qed jaffaċċjaw disturb kontinwu minn revellers u minn proprjetajiet mikrija għal żmien qasir bħal Airbnbs, filwaqt li sidien ta’ dawn il-proprjetajiet qed jonqsu milli jieħdu responsabbiltà għall-imġiba tal-klijenti tagħhom.
Il-partit ippropona li l-kunsilli lokali jingħataw aktar poter u riżorsi finanzjarji biex jindirizzaw dawn il-problemi, u appella lill-gvern biex jieqaf jippromwovi lil Malta bħala destinazzjoni fejn “kollox hu permess”.
Il-kap tal-partit u kandidat fid-9 u l-10 distrett Arnold Cassola qal li dawn is-sitwazzjonijiet huma karatteristiċi ta’ lokalitajiet bħal Tas-Sliema u l-Gżira u jeħtieġu azzjoni konkreta.
Fost il-miżuri proposti hemm aktar rondi tal-pulizija bil-lejl, infurzar aktar strett kontra min joħroġ l-iskart barra l-ħin permess, u multi immedjati għal min jikser ir-regoli dwar storbju.
Il-partit temm jgħid li turiżmu ta’ kwalità għandu jiffoka fuq il-wirt kulturali, l-istorja u s-sbuħija naturali ta’ Malta.