Gvern Laburista jwiegħed li se jkopri spejjeż ta’ min jakkumpanja pazjenti adulti barra minn Malta

Miżuri ġodda jinkludu wkoll estensjoni tal-iskema “Our Next Home” għal persuni separati jew divorzjati

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li gvern Laburista se jestendi l-appoġġ finanzjarju għall-pazjenti li jkollhom bżonn kura barra minn Malta, billi jkopri wkoll l-ispejjeż tal-persuna li takkumpanjahom.

Bħalissa, l-assistenza tal-gvern tkopri lill-pazjent adult biss, filwaqt li fil-każ ta’ minorenni jitħallsu l-ispejjeż taż-żewġ ġenituri li jivvjaġġaw mat-tifel jew tifla. Skont il-proposta l-ġdida, dan l-appoġġ se jiġi estiż biex jinkludi wkoll akkumpanjatur għal pazjenti adulti.

Meta kien qed jindirizza attività politika fis-Siġġiewi, Robert Abela ippreżenta wkoll miżuri oħra relatati mal-akkomodazzjoni. Fosthom, ħabbar li l-iskema “Our Next Home” se tkun aċċessibbli għal persuni li għaddew minn separazzjoni jew divorzju, permezz tal-iskema ta’ equity sharing.

Huwa spjega li dawn il-persuni se jerġgħu jitqiesu bħala first-time buyers, sabiex jingħataw opportunità ġdida biex jibdew mill-ġdid wara tmiem relazzjoni.

L-attività kienet indirizzata wkoll mill-Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela u mill-kandidat Laburista Alex Muscat, li qed jikkontesta t-8 u l-11-il distrett.

More in Elezzjoni 2026