Il-Prim Ministru Robert Abela iddefenda d-deċiżjoni tiegħu li joħroġ minn Kastilja qabel id-diskors tal-1 ta’ Mejju, fejn sostna li kien qed jaħdem mill-uffiċċju tiegħu qabel u wara l-attività.
“Kont qed naħdem fl-uffiċċju tiegħi, indirizzajt lill-pajjiż, u mbagħad komplejt naħdem. Huwa l-uffiċċju tiegħi,” qal Abela.
Matul l-attività tal-Partit Laburista f’Pjazza Kastilja f’Jum il-Ħaddiem, il-Prim Ministru deher joħroġ mill-bini ta’ Kastilja flimkien ma’ martu Lydia Abela mill-entratura prinċipali. L-istage kien imtella’ direttament quddiem il-bini, li wassal għal spekulazzjoni li l-ħruġ seta’ kien ippjanat minn qabel.
Persuni preżenti għall-attività qalu li Abela deher jasal eżatt qabel ma bdew id-diskorsi tad-Deputati Mexxejja Ian Borg u Alex Agius Saliba.
Il-Prim Ministru saħaq li ma kien hemm xejn ħażin fil-fatt li uża l-entratura prinċipali ta’ Kastilja, u tenna li dan huwa l-uffiċċju uffiċjali tiegħu.