'Inkompetenti u diżorganizzati ... ma tgħallmu xejn u ma ħaqqhomx imexxu!' - Robert Abela

Il-PM jgħid li l-PN jinsab panikuż u issa 'se jkompli jdur lejn il-politika antika tagħhom'

F'indirizz dirett minn fuq il-Fosos, il-Prim Ministru Robert Abela jisħaq li dik li qegħdin fiha issa mhix biss tellieqa elettorali iżda hija għażla dwar x'tip ta' soċjetà wieħed irid. B'referenza għall-Partit Nazzjonalista, Abela jgħid li ħaddieħor matul dan il-vjaġġ, minflok prova jikkonvinċi għaliex il-pjan tiegħu hu aħjar minn tal-PL, "qed jipprova jagħti l-impressjoni li l-għażla mhix waħda importanti."

Kien għalhekk li huwa qal li," l-futur issibuħ f'verżjoni waħda u b'saħħita li ressaqna 'l quddiem, b'1000 proposta. Iżda l-passat issibu fl-ewwel, it-tieni jew il-ħames verżjoni li ressaq il-PN. B'verżjonijiet differenti wrewna kemm għandna Oppożizzjoni inkompetenti u diżorganizzata ... Ma tgħallmu xejn u ma ħaqqhomx imexxu!" 

Fid-diskors tiegħu Abela insista li ra lill-PN b'għajnejh stess fil-Parlament, "ifixxklu kull rifomra li konna qed nagħmlu u fejn ma fixklux appoġjaw b'nofs qalb, mingħajr ebda sens ta' konvinzjoni. Kull darba li ġejna f'mument li kellu jirrenja l-interess nazzjonali fuq il-partiġjaniżmu ma sibnihom qatt magħna favur pajjiżna. Anzi kull meta setgħu fixklu u ta' dan biss ma ħaqqhomx il-fiduċja." 

"Timmaġinawhom imexxu f'nofs pandemija? Timmaġinawhom, issa fi żmien ta' tensjonijiet bi gwerra fl-Ewropa stess?" staqsa Abela. 

Il-Prim Ministru saħaq li lil hinn mill-"verżjonijiet ta' dak it-taparsi manifest elettorali", il-PN dejjem żamm prinċipju wieħed li baqa' konsistenti, li "l-piż jergħfu ż-żgħir."

Huwa kompla jgħid li l-manifest tal-Partit Nazzjonalista, għandu diversi termini u kundizzjonijiet u li issa "iridu jdaħħlu l-mannara, ta' bolla ġdida." 

'Gonzi kien jintaxxa dawk bil-paga minima. Grech irid li jwaqqaf iċ-ċekkijiet' 

Abela saħaq li Grech diġà wissa li jekk il-PN jingħata l-fiduċja tal-poplu, "iwaqqaf iċ-ċekkijiet, li skontu huma politika tal-gimmicks. Lawrence Gonzi kien jintaxxa lil dawk bil-paga minima u Bernard Grech irid li jwaqqaf iċ-ċekkijiet". Intant huwa saħaq li jinsab konvint li jekk ikomplu jsaħħu s-suq tax-xogħol, 'il quddiem pajjiżna jkollu pensjonijiet sostenibbli. 

"Araw ftit fejn jidħol il-manifest tal-PN, fl-ebda verjżjoni -mill-ħamsa li ħarġu sa' issa- ma jidher b'kemm se jżidu l-pensjonijiet. Dan il-manifest tal-PN tal-'imma' u tal-'jekk'. Kollu termini u kundizzjonijiet u meta taqrahom fir-realta, piżijiet ġodda se tlaqqat. Il-manifest tagħna kundizzjoni wieħed għandu, li tridu tivvutaw għalih," stqarr Abela.  

Jgħid ukoll li bħala Partit Laburista mhux se jieqfu jagħmlu r-riformi għaliex ma jridx li bħala partit jikkuntentaw bit-tajjeb iżda irid li l-livelli dejjem jogħlew. 

"M'għandniex noħolqu biss xogħol u mpjiegi iżda karrieri, li mhux biss jagħtu l-flus lill-familji iżda li jagħtu sodisfazzjoni li jwasslu biex bniedem ikun aktar ambizzjuż. Aħna nibqgħu il-forza tal-mobilità soċjali. Jekk bit-tajjeb ħloqna klassi medja ġdida, fil-ħames snin li ġejjin irridu nkomplu nsaħħuha. Għalhekk pagi aħjar għall-kulħadd, għalhekk roħs fit-taxxa għall-kulħadd, għalhekk l-akbar investiment fin-negozji tagħna," qal Abela. 

'Lanqas biss jaf x'kitbulu' 

Fl-aħħar Abela qal li mil-Llum jonqos biss 13-il ġurnata għall-elezzjoni ġenerali. Wissa li l-PN "jinsab f'paniku, se jżidu l-attakki u se jkomplu jduru lejn il-politika antika tagħhom...Lanqas biss jaf x'kitbulu fil-manifest elettorali tagħhom." 

Irrimarka li kull bidla għanda ruħ u għandha qalb u l-PL jeżisti biss għall-bidla. "Jekk ma jkollniex demmna ibaqbaq għas-sewwa ma jkollniex ir-rieda li nwettquh," temm jgħid Abela. 

More in Elezzjoni 2022