Abela dwar laqgħat ma' Portelli fuq permess fis-Sannat: 'Gideb ta' politiku ddisprat'

Mal-illum.com.mt l-Uffiċċju tal-PM jiċħad li kien hemm xi laqgħa ma' Joe Portelli dwar il-permess li ngħata fis-Sannat kif implika Bernard Grech... 

Il-PM Robert Abela
Il-PM Robert Abela

"Kontra dak implikat mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, il-Prim Ministru ma kien preżenti għall-ebda laqgħa li fiha ġiet diskussa l-applikazzjoni ta' żvilupp fis-Sannat u l-applikanti qatt ma tkellmu miegħu dwar dan is-suġġett. Dak li pprova jimplika Bernard Grech mhu xejn għajr gideb ta’ politiku ddisprat li qed jidher biċ-ċar kemm mhux lesti biex imexxi l-pajjiż."

Hekk sostna Kelliem mill-Uffiċċju tal-PM mal-ILLUM wara illi nhar il-Ġimgħa filgħaxija f'Ħal Tarxien il-Kap tal-Partit Nazzjonalista implika li l-PM u Mexxej Laburista ltaqa' mal-iżviluppatur jew inkella attenda laqgħa illi matulha saret pressjoni biex jgħaddi permess għal żvilupp fis-Sannat Għawdex. Dan se jfisser 125 appartament u 60 garaxx madwar 350 metru 'il bogħod mill-irdumijiet fiż-żona. 

Il-gazzetta ILLUM staqsiet lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru jekk Abela jeskludi jew jikkonferma li ġranet qabel ingħata l-permess kellu xi forma ta' inkontru ma' Joe Portelli (l-iżviluppatur) jew xi nies marbutin ma' dan il-proġett. U  jekk iva, x'kien is-suġġett li wassal biex sar dan l-inkontru. 

Apparti ċ-ċaħda, il-Kelliem tal-Prim Minstru sostna li Robert Abela jżur Għawdex kull nhar ta’ Sibt u hemm jiltaqa’ ma’ diversi persuni minn kull qasam tal-ħajja. "Fl-aħħar ġimgħat iltaqa’ ma’ persuni mill-oqsma tad-diżabbiltà, il-kleru, il-kummerċ, il-volontarjat u anke ma’ nies fi djarhom. Dan minbarra l-laqgħat pubbliċi ma’ mijiet ta’ persuni," kompla jgħid. 

Apparti li ma nnegax li ltaqa' ma' Portelli f'waħda minn dawn il-laqgħat il-Kelliem għall-Prim Ministru qal li fil-laqgħat ma' persuni mill-qasam kummerċjali kien hemm diversi persuni mill-istess komunità Għawdxija.  

Huwa temm jgħid li l-ironija hi li "l-Kap tal-Oppożizzjoni kien l-ewwel wieħed li ddandan b’ritratti mal-applikanti ta’ dan il-proġett li għadu fl-ewwel stadju tal-proċess tal-ippjanar, u li huwa appellabbli."

More in Elezzjoni 2022