Il-PL iwiegħed li tibda d-diskussjoni fuq l-ewtanażja volontarja għal persuni morda

Il-PL b'lista ta' wegħdiet elettorali f'attività politika mingħajr Robert Abela 

Illejla l-attività politika Laburista kienet waħda differenti minn dik tas-soltu għaliex post il-Prim Ministru Robert Abela ħadu d-Deptutat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne. Minkejja dan il-kampanja elettorali ma waqfitx, tant hu hekk li ħabbar numru ta' wegħdiet ġodda li jvarjaw minn krematorju, għal mediċini b'xejn u għajnuna għall-kommunitajiet LGBTIQ+.

Fearne saħaq li mijiet ta' persuni qed isofru minn effetti sekondarji wara li ġew pożittivi għall-Covid-19 u għalhekk jekk il-PL jingħata l-fiduċja se jinfetħu tliet kliniċi għall-pazjenti bil-"long covid". Dawn beħsiebhom jagħmluhom fl-Isptar Mater Dei, f'Għawdex kif ukoll fiċ-ċentru reġjonali - li se jinfetaħ fix-xhur li ġejjin- Ċensu Moran f'Raħal Ġdid. 

Kien hawn li l-Ministru Fearne ħabbar lista sħiħa ta' mediċini, li jekk il-PL jingħata l-fiduċja jibdew jingħataw gradwalment mill-1 ta' April. 

X'inhuma l-mediċini li qed iwiegħed il-PL? Kemm se jiswew? 

  • Tilqima tal-HPV lis-subien ta' 12-il sena u 'l fuq - Bi spiża totali ta' 700,000 kull sena. 
  • Mediċini oħra għal persuni li jbagħtu mill-fibromyalgia - Bi spiża totali ta' 100,000 kull sena. 
  • Għall-persuni li jbatu bid-diabete: mill-ewwel ta' April, se tiżdied l-eta tal-glucose monitoring minn 16 għal 21. Minn Novembru l-eta se tiġi estiża sa' 35 sena - Bi spiża totali ta' miljun ewro.
  • Fl-2023  il-glucose monitors se jingħataw lill-pazjenti kollha li għandhom id-diabete - Bi spiża totali ta' 1.2 miljun. 
  • Tingħata mediċina ekwivalenti għax-Xarelto minn Mejju 2022 - Bi spiża totali ta'  5 miljun ewro. 
  • F'Awwissu tingħata mediċina għal pazjenti bl-osteoporżi. 
  • Mediċini għall-pazjenti bil-kanċer kollha kompletament b'xejn. 
  • Mediċini għall-pazjenti b'mard rari, bi problemi ta' saħħa mentali, bi problemi tal-qalb u l-ġilda.
  • Mediċini biex jonqos l-PrEP u l-PEP biex jikkubattu l-HIV bla ħlas. 
  • Hearing aids għal dawk li niqsin mis-smigħ. 
  • Apparti l-wegħda ta' aktar investiment fil-kura paljattiva. Il-PL iwiegħed li tibda' d-diskussjoni fuq l-aġenda nazzjonali fuq l-ewtanażja volontarja għall-persuni b'mard terminali. 

Id-Deputat PM u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne
Id-Deputat PM u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne

Fearne wiegħed ukoll li Gvern Laburista, fi żmien l-ewwel 100 ġurnata, joħorġu l-liċenzji biex Malta jkollha krematorju. 

Aħna għandna l-kredibilità għax f'dawn id-disa' snin, dak li wegħdna wettaqih, anke fl-aħħar sentejn minkejja kriżi globali. Chris Fearne

Il-Ministru għas-Saħħa illejla kien akkumpanjat ukoll mid-Deputat Mexxej tal-PL Daniel Micallef li saħaq fuq l-importanza tas-snajja u li, "x-xogħol tal-id għandu valur daqs ix-xogħol tal-ġlekk u l-ingravata". Kien hawn li huwa ħabbar proposta oħra, li Gvern immexxi mill-PL iwaqqaf taqsima ġdida ta' snajja fl-MCAST, biex dawk il-ħaddiema li se jirtiraw u huma mimlijin għerf, jistgħu jgħaddu l-għarfien tagħhom lill-istudenti. 

Ritratt | Zak Farrugia
Ritratt | Zak Farrugia

Il-PL, x'ħabbar ukoll lill-kommunità LGBTIQ+ ?

  • L-operazzjoni biex persuna tbiddel is-sess tagħha (gender-reassignment) offruta bla ħlas. 
  • Ċentru għall-kommunità LGBITQ+ taħt saqaf wieħed għas-servizzi kollha
  • L-għoti tad-demm ikun ugwali għall-kulħadd inkluż persuni omosesswali. 

More in Elezzjoni 2022