'Qiegħdin fis-sena 2022 u n-nisa għadhom jitqiesu bħala inkubaturi f'għajnejn il-liġi'

Volt b'pożizzjoni qawwija dwar id-drittijiet riproduttivi u sesswali f'Jum il-Mara 

Il-partit Volt fakkar li l-Parlament Ewropew iddikjara li d-drittijiet sesswali u riproduttivi huma drittijiet fundamentali. "Qiegħdin fl-2022 u n-nisa għadhom jitqiesu bħala inkubaturi f'għajnejn il-liġi. Se jibqa' għaddej iż-żmien u nħallu lin-nisa fl-istatus quo?," staqsiet Alexia DeBono, ko-fondatur ta' Volt u kandidata mal-istess Partit. 

Volt jemmen li bħala pajjiż hemm bżonn ta' progress sinjifikanti u għandna naħdmu aktar favur ugwaljanza bejn il-ġeneru speċjalment fir-rigward tal-awtonomija tal-ġisem. Il-Partit jisħaq li hemm bżonn li nsaħħu liċ-ċittadini permezz ta' informazzjoni korretta waqt it-tfulija dwar is-saħħa sesswali, lil hinn minn liema skola jattendu; jekk hux tal-Istat, tal-Knisja jew skola privata.

"L-iskejjel għandhom jgħallmu kurrikulu adegwat skont l-età kif ukoll ikun fattwali u inklussiv. Għaldaqstant, il-Partit beħsiebu jagħmel użu mill-midja privata u pubblika biex jgħallem lill-popolazzjoni adulta, li qatt ma kellhom l-opportunità jitgħallmu fuq id-drittijiet riproduttivi u s-saħħa sesswali, permezz ta' infromazzjoni fattwali," jgħid Volt. 

Apparti minn hekk dak il-Partit jisħaq ukoll fuq l-importanza ta' aktar aċċessibilità għall-kontraċettivi. Volt qed jipproponi wkoll li jqis il-kontraċettivi bħala mediċina u prodotti essenzjali u għaldaqstant jitqassmu b'xejn minn istituzzjonijiet tas-saħħa pubbliċi filwaqt li jirrimborża ħwienet privati. Dan filwaqt li l-Volt qed jipproponi li l-Morning After Pill tkun aċċessibli daqs kontraċettivi oħra, fosthom il-condoms, filwaqt li l-CopperIUD (li hija tip ta' kontraċettiv li tkun fl-utru), għandha tiġi introdotta bħala kontraċettiv ta' emerġenza. 

"Kull sena żgħażagħ ta' 16-il sena u iżgħar qed ikollhom it-trabi. Tkun idea żbaljata jekk żgħażagħ ma jkollhomx aċċess għall-kontraċettivi," stqarret Thomas "kass" Mallia, kandidata ta' Volt. 

Il-Partit jisħaq ukoll li l-abort għandu jiġi dikriminalizzat u apparti minn hekk jiżgura li jsiru l-operazzjonijiet meħtieġa f'każijiet eċċezzjonali, fosthom meta l-mara tkun se titlef ħajjitha. "Dan il-proċess għandu jkun akkumpanjat minn servizz ta' kura wara li jsir l-abort," jgħid il-Partit.  

More in Elezzjoni 2022