Daqqa għall-PN hekk kif tibda l-kampanja: Debono, Puli u Galea jirtiraw il-kanditatura

Id-Deputat Nazzjoanlista Mario Galea, ftit mumenti wara, irtira wkoll il-kandidatura tiegħu

Il-Partit Nazzjonalista beda' l-kampanja fuq is-sieq il-ħażina hekk kif tliet Deputati, li appoġjaw lill-eks Kap tal-PN Adrian Delia fit-tiġrija għal Kap ġdid, irtiraw mill-kandidatura bla mistenni.

Id-Deputati Nazzjonalisti Clyde Puli, Kristy Debono u Mario Galea ħabbru li mhux se jikkontestaw fl-elezzjoni ġenerali ftit mumenti ilu, eżatt wara id-diskors ta' Bernard Grech dalgħodu.

Permezz ta' stqarrija, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech irringrazzja lil Mario Galea, Clyde Puli u Kristy Debono għas-snin ta’ servizz tagħhom lejn il-pajjiż u l-Partit Nazzjonalista.

Il-Partit sostna li t-tlieta li huma ddeċidew li ma jikkontestawx l-elezzjoni li jmiss, għal diversi raġunijiet personali. 

Għaldaqstant, kemm id-Deputat Clyde Puli kif ukoll id-deputat Kristy Debono, permezz tal-midja soċjali tkellmu aktar fid-dettall dwar dan.

'Wasal iż-żmien li nibbilanċja ħajti aktar lejn il-familja tiegħi' - Kristy Debono

Eletta mid-disa' distrett, il-Membru Parlamentari Kristy Debono ilha sservi fil-Partit Nazzjonalista għall-dawn l-aħħar 17-il sena. Hija serviet fl-aħħar żewġ leġislaturi bħala Shadow Minister għall-Investiment Ekonomiku.

Fil-messaġġ tagħha fuq il-paġna ta' Facebook hija qalet li wasal iż-żmien għaliha biex tibbilanċja ħajjitha aktar lejn familtha inkluż it-tifla tagħha ta' sitt snin. Filwaqt li rringrazzjat lil kull min għinha biex tirnexxi fil-karriera politika tagħha, Debono sostniet li din hija wkoll opportunità tajba sabiex kandidati ġodda jkunu l-protagonisti billi jiġġeneraw ideat ġodda fi ħdan il-PN.

Hija ġiet eletta fl-2013 u reġgħet eletta fl-2017 b'ammont kbir ta' voti mid-disa' distrett. Fil-fatt fl-2017 hija qabżet il-kwota tagħha fl-ewwel għadd ta’ voti b'4,022 vot u b’hekk kienet l-unika membru parlamentari mara li ġiet eletta mill-ewwel  fl-2017.  Fil-5 ta’ Novembru 2017 ġiet ukoll eletta bħala l-President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.

Kristy Debono hija miżżewġa lil Jean Pierre Debono, li ġie elett ukoll bħala Membru Parlamentari waqt l-elezzjonijiet Ġenerali tal-2017, imma li ċeda s-siġġu tiegħu biex ikun elett Adrian Delia. Debono wkoll ma baqax fix-xena politika wara li Delia tilef l-elezzjoni għal Kap fl-2020.

'M’għandix kliem biex nirringrazzjahom tal-fiduċja li wrewni matul is-snin u tal-privileġġ li tawni biex inservihom' - Clyde Puli

Min-naħa tiegħu, Clyde Puli - li fl-aħħar elezzjoni kiseb 2,556 vot mis-sitt distrett - ippubblika l-ittra li bagħat lil Kap tal-PN fejn stqarr li "servejt taħt ħames kapijiet u amministrazzjonijiet differenti b’onestà, integrità, lealtà, u determinazzjoni li nwettaq kull missjoni li ġejt fdat biha."

Għal-darba oħra huwa rringrazzja lill-poplu Malti u lill-kostitwenti tiegħu kif ukoll lill-PN u lill-Kap stess.

Maħbub u l-iktar popolari mal-Qriema, Puli ġie elett għall-ewwel darba f’kariga pubblika fl-1994 bħala Kunsillier Lokali f’Ħal Qormi. Huwa serva terminu bħala Sindku sal-2001, u bħala kunsillier sal-2003 sakemm irriżenja biex jieħu s-siġġu Parlamentari tiegħu.

Fl-2003 ġie elett għall-ewwel darba fil-Parlament u fl-elezzjonijiet sussegwenti fl-2008 u 2013. Huwa serva bħala Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport fil-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Kultura sal-2013.

Huwa kien Segretarju Ġenerali meta Adrian Delia kien Kap Nazzjonalista u kien voċiferu ħafna kontra dawk id-deputati li kienu qed jeħduha kontra Delia. F'ittra skjaċċanti huwa kien ikkritika bil-qawwi lil dawk li kien qal illi qed jagħmlu l-ħsara lill-Partit Nazzjonalista. 

'Il-klikka li poġġiet lil Bernard Grech hi dik li se tiddetta fil-PN'

Intant il-Partit Laburista, fi stqarrija, sostna illi t-tħabbira ta’ tliet deputati tal-Partit Nazzjonalista li telqu mil-lista ta’ kandidati tal-Partit Nazzjonalista u għalhekk mhux se jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali hija riflessjoni tal-istat li jinsab fih il-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech. 

"Sinjifikattiv ħafna kif dawn it-tliet deputati, li huma wkoll magħrufa għal kemm appoġġjaw lil Adrian Delia, irtiraw il-kandidatura tagħhom proprju fl-ewwel jum tal-kampanja elettorali. It-tluq tagħhom mill-partit hu sinjal ieħor ta’ kif il-klikka li poġġiet lil Bernard Grech Kap hi dik li għada u se tibqa’ tiddetta l-aġenda fil-Partit Nazzjonalista u saħansitra qed tgħamilha diffiċli għan-nazzjonalisti stess li jaħdmu fl-istess partit," sostna l-Partit Laburista.

More in Elezzjoni 2022