Simon Busuttil: Kumpanija l-Panama li taf tagħmlu Prim Ministru

Mill-kalma tal-bidu Busuttil inbidel f’mexxej ta’ kruċjata politika biex jitneħħa Joseph Muscat...imma l-poplu se jagħżel lilu Prim Ministru?

Simon Busuttil ma kienx wiċċ ġdid erba’ snin ilu. Kien ilu Membru Parlamentari Ewropew u kien inħatar Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista ftit qabel l-aħħar elezzjoni. Kien ukoll involut fit-tfassil tal-manifest elettorali tal-PN fl-2008 kif ukoll fl-2013.

Minkejja dan, ħlief għall-aħħar ftit xhur qabel l-elezzjoni, ftit kienu jafu lil Busuttil u l-modi tiegħu fil-politika lokali. Fl-aħħar erba’ snin it-trasformazzjoni ta’ Simon Busuttil kienet waħda pjuttost kbira, kif fil-fatt innotat din il-gazzetta diversi drabi f’analiżijiet li saru matul dawn l-aħħar sentejn.

Imma x’inhuma l-preġji ta’ Busuttil? Fejn qiegħed jipproġetta lilu nnifsu bħala Prim Ministru? U fejn falla? Fejn ħa riskji li jistgħu jkissruh u li dwarhom il-ġudizzju għad irid isir?

F’din it-tieni parti tal-analiżi se nħarsu lejn Simon Busuttil, ir-raġel li jew jista’ jieħu post Joseph Muscat bħal-lum ġimgħa jew inkella li jkun fil-periklu li jitneħħa u jitniżżel bħala l-ewwel Kap tal-PN li qatt ma sar PM.

Ix-xellug li Busuttil għaraf...

Bl-Ingliż jgħidu illi ‘the proof of the pudding is in the eating’ u hekk hu. Allura  nistgħu ngħidu biss li Simon Busuttil huwa verament politiku li jagħraf u li jaħdem fuq twemmin ċentru-xellugi meta u jekk ikun qed imexxi.

Lil hinn minn dan imma l-attentat ta’ Busuttil li jimla l-vojt li seta’ tħalla minn Muscat fuq ix-xellug huwa pass pożittiv. Fil-fatt f’diversi diskorsi li ta matul iż-żmien tiegħu bħala Kap tal-PN, Busuttil kemm-il darba tkellem dwar il-ħaddiem, dwar esperjenzi ta’ nies reali, qabel mal-proposta tal-Kampanja paga Minima Diċenti u għamel ukoll proposti li jistgħu jitqiesu bħala xellugin finnatra tagħhom.

L-iżvantaġġ, ta’ Busuttil jibqa’ illi minkejja li kien sinkronizzat tajjeb ma’ diversi problemi li kienu hemm jew amplifikaw ruħhom f’dawn l-aħħar erba’ snin, iktar iva milli le m’offriex jew ma ppreżentax lilu nnifsu biżżejjed bħala l-persuna li tista’ toffri s-soluzzjonijiet.

Nieħdu l-eżempju ta’ dawk li jinsabu f’kirjiet privati, li matul dawn is-snin u minħabba qabża kbira fid-domanda għall-kiri, raw il-kirja tagħhom tisplodi. F’xi każi b’100% u iktar. Uħud kellhom jitilqu mill-kirja, imorru jgħixu mal-ġenituri u wħud minn dawn lanqas jistgħu jitfgħu depożitu biex jixtru post.

Dik il-problema. U s-soluzzjoni? Filwaqt li Busuttil iktar deher li kien qed jifhem din il-problema, naqas milli jidher illi qed joffri s-soluzzjoni. Ħalla lil Muscat jidħol u jagħmel kapital minn dan il-vojt, juża lingwaġġ qawwi fil-konfront tas-sitwazzjoni fis-suq tal-kera, iżid is-sussidji tal-kirjiet privati u jiffirma ftehim ma’ bank lokali biex jgħin lil dawk li jridu jixtru post.

Minkejja li fl-idjoma politika Busuttil irnexxielu jressaq lill-PN l-eqreb li qatt kien lejn ix-xellug, il-fatt li waqaf fuq il-kritika u ma kienx innovattiv u proattiv biżżejjed, ifisser illi ma sfruttax biżżejjed il-vojt li ħalla Muscat.

Il-Panama li għollietu...imma għollietu biżżejjed?

Il-każ tal-kontijiet fil-Panama tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff Keith Schembri, kien prattikament providenzjali għal Busuttil u anke jekk kien hemm żewġ każi oħrajn li qajmu diskussjoni madwar il-pajjiż, kien proprju dan il-każ li ta lil Busuttil impetu qawwi.

Busuttil, naturalment uża dan il-każ biex bena immaġini ta’ politiku b’saħħtu, xi ħaġa li kien nieqes minnha sew fl-ewwel sena tiegħu bħala Kap. Il-PN offra oppożizzjoni formidabbli fuq dan il-każ bi protesti, kampanja medjatika ma’ taqta’ assolutament xejn, mozzjonijiet fil-Parlament u billboards madwar il-pajjiż.

Din il-kwistjoni kabbret l-immaġini ta’ Busuttil għax 1) neħħiet minn fuqu l-idea jew il-perċezzjoni li ma jistax ikun elett (unelectable) , 2) Li huwa kap dgħajjef u li 3) Din l-elezzjoni l-PN kien se jitlifha żgur.

Naturalment dan kollu ta lill-partitarji tal-PN l-injezzjoni li kellhom bżonn biex ineħħu l-apatija u l-qtigħ ta’ qalb li kien iddomina fil-PN wara t-telfa kbira li kien qala’ fl-2013. Minn punt strettament strateġiku l-każ tal-Panama kien providenzjali għax reġa’ qanqal mill-ġdid l-għeruq tal-partit. Minn punt strettament politiku l-każ Panama ta’ raġuni għall-eżistenza kurrenti tal-partit, wara li l-PN kien ilu li tilef din ir-raġuni minn meta pajjiżna sar membru tal-Unjoni Ewropea fl-2003.

Naturalment il-gwadann mill-battalja kontra Muscat fuq din il-kwistjoni partikolari fissret li l-attenzjoni kważi kollha lejn il-PN kienet esklussiva għal dan is-suġġett, biex b’hekk il-PN laħaq quċċata, għalkemm xorta taħt il-PL, u niżel minn dik il-quċċata skont l-aptit tan-nies li jisimgħu fuq dan is-suġġett. Dan mhux qed ngħiduh aħna, jgħidu kull stħarriġ li sar mill-Mediatoday. Fil-fatt ix-xejra komuni u konsistenti kienet illi kull meta qabad imut il-hype dwar is-suġġett, l-appoġġ għall-PN u għal Busuttil jibda nieżel.

Din l-istrateġija fiha periklu ovvju li qed jinħass illum. Dan huwa li x-xogħol l-ieħor daqstant kruċjali biex il-PN jirbaħ kien mitfugħ taħt dell. Id-dokumenti li saru mill-PN dwar gvernanza, l-ambjent u t-trasport fost l-oħrajn ma waslux biżżejjed għand in-nies. Ħafna lanqas biss qatt semgħu l-istess proposti, aħseb u ara kemm iddiskutewhom.

Għalhekk illum hemm perċezzjoni b’saħħitha, anke jekk tibqa’ perċezzjoni, li Busuttil ‘mhux lest biex imexxi’, ‘m’għandux x’joffri’ u li ‘ma jitkellem fuq xejn ħlief Panama tiela’ u nieżla.’ Dan mhux neċessarjament minnu imma għal sena sħiħa mingħajr waqfien u speċjalment matul dawn l-aħħar erba’ ġimgħat, dak biss wasal għand il-familji mingħand il-PN.

Il-każ Panama għollieh lil Busuttil, imma għollieh biżżejjed biex jagħmlu l-Prim Ministru li jmiss ta’ pajjiżna?

Egrant: Il-kwistjoni li tista’ tkissru

Il-Kap tal-PN tant rabat il-futur politiku tiegħu mal-każ Panama u dak kollu relatat li mhux biss qed jittama li jirbaħ elezzjoni fuqu talli kapaċi jispiċċa f’taġen ilma jagħli minħabba fih.

L-istorja kulħadd jafha. Daphne Caruana Galizia għamlet allegazzjoni gravissima illi mart il-PM kellha kumpanija fil-Panama li minnha għaddew mal-$1 miljun mill-Ażerbaiġan. Il-PN beda kampanja medjatika instantanjament, kampanja li laħqet il-qofol tagħha ftit sigħat biss wara bi protesta fil-Belt Valletta fejn Busuttil saħansitra appella biex il-forzi tal-ordni, is-servizzi sigrieti u saħansitra l-President jagħmlu dak li jistgħu biex ineħħu lil Muscat minn PM. Dan apparti l-kurrenti ta’ ‘nibagħtuhom il-ħabs’ u l-kampanja fuq il-media soċjali li tinstiga l-arrest tal-familja Muscat. 

Dan kollu mhux biss żied it-temperatura politika iżda ħoloq sensazzjoni ta’ instabilità u biża’ li s-sitwazzjoni tista’ tiggrava minn mument għall-ieħor. Biża’ li s-sitwazzjoni politika, b’diskors li seta’ ħoloq allarm, se tiggrava sew.

Huwa hawnhekk li Busuttil seta’ ħa l-akbar żball politiku, li qatt seta’ jieħu Kap ta’ partit u li tista’ tkun politikament devastanti fuqu u fuq il-PN. Tant għolla t-temperatura u tant seta’, anke jekk mhux konxjament, għen biex jissaħħnu l-irjus, li ħoloq stennija biex din il-kwistjoni tkun konkluża b’ċertezza.

Minkejja li allegazzjonijiet serji ta’ ħasil ta’ flus miċ-Chief of Staff ta’ Muscat huma daqstant serji, il-gravità tas-sitwazzjoni li pajjiżna spiċċa fiha fl-ewwel sigħat u jiem wara l-allegazzjoni Egrant, fissret li kull attentat biex ikun iddevjat l-attenzjoni minn fuq din l-allegazzjoni falla.

Meta Busuttil aċċetta li jorbot il-fortuni politiċi tiegħu, tant intrisikament ma’ dan il-każ partikolari kien qed jieħu riskju serju. Issa jew dak ir-riskju se jfisser frott għalih u għal min għamel l-allegazzjoni, jew inkella se jfisser prospett terribbli ta’ riżenja fil-każ li ma jirbaħx l-elezzjoni jew prospett aktar terribbli jekk jirbaħ u jsir PM hu.

Kien ikun aktar għaqli kieku Busuttil tkellem fuq il-gravità tal-allegazzjoni Egrant imma żamm kawt, filwaqt li mbagħad fetaħ il-kanuni fuq l-allegazzjonijiet tiegħu dwar Keith Schembri. B’hekk kien jorbot il-karru politiku tiegħu ma’ xi ħaġa inqas spettakolari, imma ħafna iktar fis-sod għax għandu l-provi. Ir-riskju ta’ Busuttil huwa kbir u bħal kull riskju kbir, ir-ritorn għal dak ir-riskju jew se jgħollih jew se jsabbtu.

Fil-ħin ħażin?

Din il-gazzetta matul dawn is-sentejn ippubblikat diversi analiżi, ħafna minnhom dwar il-mixja ta’ Busuttil u d-diskorsi tiegħu. Iż-żmien jibqa’ fattur ewlieni li jrid jittieħed meta fuq il-miżien titpoġġa l-karriera politika ta’ Busuttil.

Rebħa għall-PN u għal Simon Busuttil nhar il-Ħadd tkun tfisser li minkejja d-dejn, id-diżillużjoni u d-demoralizzazzjoni, Busuttil xorta jkun irnexxielu jegħleb il-mewġ. Din tagħtih status u saħħa kbira fil-Partit Nazzjonalista.

More in Elezzjoni 2017