Il-miżuri tal-Baġit mhux se jneħħu lill-ħaddiema barranin minn Malta, iżda se jrażżnu d-domanda għal oħrajn – Caruana
Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana jiddefendi l-miżuri tal-Baġit 2027 li jolqtu lill-ħaddiema minn pajjiżi terzi, filwaqt li Adrian Delia jikkontesta l-effettività tagħhom u jitlob soluzzjoni fit-tul għall-konġestjoni tat-traffiku.
minn Jaelle Borg
Il-ħaddiema minn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea li diġà jinsabu Malta mhux se jisparixxu mill-pajjiż minħabba l-miżuri mħabbra fil-Baġit 2027. Madankollu, il-Gvern qed jistenna li dawn il-miżuri jnaqqsu d-domanda għal ħaddiema ġodda minn pajjiżi terzi fix-xhur li ġejjin.
Dan kien il-messaġġ tal-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana waqt il-programm XTRA fuq TVM, immexxi minn Saviour Balzan, li fih ħa sehem ukoll il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Finanzi, Adrian Delia.
Id-diskussjoni saret tlett ijiem wara l-preżentazzjoni tal-Baġit 2027, li introduċa diversi miżuri li jżidu l-ispejjeż jew inaqqsu ċerti benefiċċji għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi, magħrufa bħala TCNs.
Dawn il-miżuri qanqlu kritika minn għaqdiet mhux governattivi, min iħaddem u unions, fosthom il-General Workers’ Union (GWU), li ddeskriviet il-miżuri bħala “purament populisti”.
“Jekk irridu nikkontrollaw il-popolazzjoni, dan pass fid-direzzjoni t-tajba”
Caruana ddefenda d-deċiżjonijiet tal-Gvern u sostna li dawn il-miżuri kienu ilhom meħtieġa.
Huwa fakkar li f’okkażjonijiet preċedenti kien wissa dwar ir-rata tat-tkabbir tal-popolazzjoni Maltija, fosthom bil-projezzjoni li l-popolazzjoni tista’ tilħaq it-800,000 persuna sal-2040 jekk ir-rata attwali tat-tkabbir tibqa’ l-istess.
“U issa bdejna nindirizzaw dan,” sostna l-Ministru.
Caruana spjega li l-miżuri huma maħsuba biex jinfluwenzaw id-domanda għax-xogħol permezz tal-ispejjeż.
Skontu, is-suq tax-xogħol huwa bbażat fuq il-provvista u d-domanda, filwaqt li l-prezz tax-xogħol, jiġifieri l-pagi, għandu rwol importanti fid-deċiżjonijiet ekonomiċi tan-negozji.
Huwa qal li jinsab konvint li l-miżuri se jinfluwenzaw dawn l-ispejjeż, direttament jew indirettament, u b’hekk iwasslu għal bidliet fid-domanda għall-ħaddiema.
“Bħala ekonomista, jiena konvint li dan il-mekkaniżmu se jibda jaħdem fix-xhur li ġejjin. U jekk irridu nikkontrollaw il-popolazzjoni, dan huwa pass fid-direzzjoni t-tajba,” sostna Caruana.
Delia jistaqsi dwar id-dikjarazzjonijiet ta’ Robert Abela
Adrian Delia kkontesta l-approċċ tal-Gvern u staqsa kif il-miżuri l-ġodda jistgħu jiġu rrikonċiljati ma’ dikjarazzjonijiet preċedenti tal-Prim Ministru Robert Abela dwar it-tkabbir tal-popolazzjoni.
Delia rrefera għal dikjarazzjoni ta’ Abela li fiha kien sostna li żieda ta’ madwar 14,000 persuna fis-sena kienet sostenibbli għal Malta.
Il-kelliem Nazzjonalista staqsa kif il-Gvern issa qed jipprova jrażżan id-domanda għal ħaddiema barranin meta qabel kien iddefenda ritmu sostanzjali ta’ tkabbir fil-popolazzjoni.
Delia sostna li l-miżuri mħabbra fil-Baġit mhumiex it-triq it-tajba biex tiġi indirizzata l-problema taż-żieda fil-popolazzjoni.
Bi tweġiba, Caruana għamel distinzjoni bejn il-ħaddiema minn pajjiżi terzi li diġà jgħixu u jaħdmu Malta u dawk li jistgħu jiġu reklutati fil-futur.
Huwa spjega li għad hemm domanda għall-ħaddiema barranin li jinsabu fil-pajjiż u li l-miżuri tal-Baġit mhumiex maħsuba biex ineħħuhom mis-suq tax-xogħol.
Minflok, skont il-Ministru, l-għan huwa li tiġi indirizzata d-domanda futura għal ħaddiema ġodda minn barra l-Unjoni Ewropea.
Delia: Is-soluzzjoni għat-traffiku hija sistema ta’ trasport tal-massa
Id-diskussjoni daret ukoll fuq il-konġestjoni tat-traffiku, b’Delia jikkritika n-nuqqas ta’ soluzzjonijiet konkreti fil-Baġit 2027.
Huwa sostna li, aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar vetturi qed jiżdiedu fit-toroq Maltin, filwaqt li l-problema tat-traffiku qed tkompli taffettwa l-ħajja ta’ kuljum tan-nies.
Delia insista li Malta għandha bżonn sistema ta’ trasport tal-massa biex tindirizza din il-problema b’mod strutturali u fit-tul.
Il-kelliem Nazzjonalista argumenta li l-pajjiż ma jistax jibqa’ jiddependi fuq miżuri li ma jindirizzawx il-kawżi ewlenin tal-konġestjoni.
Il-Bank Dinji u l-FMI involuti f’diskussjonijiet dwar it-trasport tal-massa
Bi tweġiba għall-kritika dwar it-trasport, Caruana qal li l-Gvern għadu għaddej b’ħidma biex jevalwa l-possibbiltajiet għal sistema ta’ trasport tal-massa f’Malta.
Huwa fakkar li l-Ministru għat-Trasport Sostenibbli Chris Bonett għadu f’diskussjonijiet mal-kumpanija internazzjonali ARUP dwar l-istudji marbuta ma’ dan il-proġett.
Caruana żvela wkoll li huwa stess jinsab f’taħditiet mal-Bank Dinji u mal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) dwar il-proposta.
Skont il-Ministru, il-Bank Dinji se jagħti pariri lill-Gvern dwar il-fattibbiltà ta’ kwalunkwe sistema ta’ trasport tal-massa li tiġi proposta.
Min-naħa tiegħu, l-FMI se jeżamina l-impatt li proġett ta’ din ix-xorta jista’ jkollu fuq l-ekonomija Maltija fuq livell makroekonomiku.
Il-Ministru ma ħabbarx skeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni ta’ sistema bħal din, iżda sostna li l-Gvern qed ifittex pariri tekniċi u ekonomiċi qabel jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-proġett.
Id-dibattitu bejn Caruana u Delia kompla juri d-differenzi fl-approċċ tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni dwar it-tkabbir tal-popolazzjoni, il-ħaddiema barranin u l-ħtieġa għal investiment fit-trasport.
Filwaqt li Caruana sostna li l-miżuri tal-Baġit għandhom jibdew jinfluwenzaw id-domanda għal ħaddiema ġodda fix-xhur li ġejjin, Delia baqa’ jinsisti li Malta teħtieġ soluzzjonijiet aktar fit-tul għall-isfidi marbuta mat-tkabbir ekonomiku u l-infrastruttura.
