Jibda waqfien mill-ġlied ta’ għaxart ijiem bejn il-Libanu u l-Iżrael wara ġimgħat ta’ kunflitt
Waqfien mill-ġlied ta’ għaxart ijiem bejn il-Libanu u l-Iżrael daħal fis-seħħ nhar il-Ġimgħa hekk kif il-President tal-Istati Uniti Donald Trump qiegħed jintensifika l-sforzi sabiex itemm kunflitt usa’ li jinvolvi l-Iran u wara ġimgħat ta’ ġlied intens li ħalla ħafna vittmi
minn Eman Farrugia
Ftehim ta’ waqfien mill-ġlied ta’ għaxart ijiem miftiehem bejn il-Libanu u l-Iżrael daħal fis-seħħ nhar il-Ġimgħa, hekk kif il-President tal-Istati Uniti Donald Trump qal li kien qed jipprova jorganizza l-ewwel laqgħa wiċċ imb’wiċċ bejn il-mexxejja taż-żewġ pajjiżi.
Il-ftehim, li Trump qal li beda f’nofsillejl ħin lokali fil-Libanu u l-Iżrael, ġie maqbul hekk kif Washington qiegħda iżżid l-isforzi sabiex tilħaq ftehim bl-għan li tintemm il-gwerra mal-Iran, b’Tehran tinsisti li l-Libanu trid tkun parti minn kwalunkwe ftehim ta' waqfien mill-ġlied.
Instema’ sparar fis-subborgi tan-nofsinhar ta’ Beirut, il-qalba ta’ Hezbollah, hekk kif daħal fis-seħħ il-waqfien mill-ġlied; attakk apparenti ta’ ċelebrazzjoni spontanja, għalkemm dan ma setax jiġi kkonfermat.
Il-gwerra fil-Lvant Nofsani bdiet hekk kif l-Istati Uniti u l-Iżrael attakkaw l-Iran fit-28 ta’ Frar. Hekk il-kunflitt baqa' jinfirex madwar il-Lvant Nofsani, il-Libanu ġiet assorbita fil-kunflitt meta Hezbollah niedi attakki mmirati lejn Iżrael fit-2 ta’ Marzu.
Sussegwentament, l-Iżrael invada n-Nofsinhar tal-Libanu u ħabbar li jrid jistabbilixxi okkupazzjoni illegali 'l isfel mix-Xmara Litani.
Minn dakinhar, l-attakki Iżraeljani fil-Libanu qatlu aktar minn 2,000 persuna u spostaw aktar minn miljun persuna oħra, hekk kif il-forzi tal-art Iżraeljani invadew in-nofsinhar tal-pajjiż.
Hekk kif daħal fis-seħħ il-waqfien mill-ġlied, il-militar ta’ Iżrael qal li kien attakka aktar minn 380 mira f'Nofsinhar tal-Libanu li allegatament japparjtenu għall-Hezbollah, u kien lest sabiex jerġa’ jniedi iżjed attakki.
Il-President tal-Istati Uniti qal li l-ftehim sabiex jitwaqqfu l-ostilitajiet ġie wara telefonati “eċċellenti” mal-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu u l-President Lebaniż Joseph Aoun.
“Dawn iż-żewġ mexxejja qablu li sabiex jiksbu l-paċi bejn il-Pajjiżi tagħhom, huma se jibdew formalment waqfien mill-ġlied ta’ 10 Ijiem fil-5 P.M. EST,” qal Trump fuq il-pjattaforma Truth Social.
Aktar tard qal li stenna li Netanyahu u Aoun iżuru l-White House “matul l-erba’ jew ħamest ijiem li ġejjin”.
Laqgħa wiċċ imb’wiċċ ta’ livell għoli bejn it-tmexxija Libaniża u Iżraeljana tkun mument kruċjali għar-reġjun.
Kelliem għal sptar Iżraeljan qal li tliet persuni ndarbu nhar il-Ħamis, ftit qabel ma daħal fis-seħħ il-ftehim.
Attakk Iżraeljan fuq il-belt ta’ Ghazieh fin-nofsinhar tal-Libanu qatel mill-inqas seba’ persuni u darab 33 persuna oħra, qal il-Ministeru tas-Saħħa tal-Libanu aktar kmieni l-Ħamis.
Netanyahu qal li l-waqfien mill-ġlied mal-Libanu offra opportunità għal “ftehim ta’ paċi storiku” ma’ Beirut; iżda insista li d-diżarm tal-grupp militanti Hezbollah baqa’ prekundizzjoni.
Trump qal li Hezbollah kien inkluż fil-waqfien mill-ġlied, iżda skont id-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti, il-ftehim impenja lill-Libanu nnifsu sabiex jara li jiżżarma l-grupp militanti appoġġjat mill-Iran.
Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Antonio Guterres laqa’ l-waqfien mill-ġlied, u appella b’mod ċar lill-“atturi kollha biex jirrispettawh bis-sħiħ”.
''Ninsabu ferħana ħafna''.
F'Beirut, il-kapitali Lebaniża, kienu bosta dawk li faħħru l-ftehim tal-waqfien mill-ġlied f'kummenti lill-midja barranija.
"Ninsabu ferħanin ħafna li ntlaħaq waqfien mill-ġlied fil-Libanu għax għajjenin mill-gwerra u rridu s-sigurtà u l-paċi," qalet mara Lebaniża li tgħix f'Beirut.
Madanakollu, bilqiegħda f'kafetterija f'Beirut, l-avukat Tarek Bou Khalil qal lill-AFP li huwa magħruf sew li Trump u Netanyahu ma jistgħux jiġu fdati.
"Imma nafu li r-riżultat tal-pressjonijiet tal-gwerra mal-Iran u l-iżbalji ta' Netanyahu u l-armata tal-għadu fin-nofsinhar tal-Libanu, ġiegħluhom jidħlu f'waqfien mill-ġlied," żied jgħid.
Trump tkellem dwar il-waqfien mill-ġlied mal-ġurnalisti hekk kif telaq mill-White House għal vjaġġ lejn l-istat ta' Nevada.
"Huwa eċċitanti ħafna," qal Trump bi tweġiba għal mistoqsija minn ġurnalist tal-AFP. "Illum se jkollhom waqfien mill-ġlied, u dan se jinkludi lil Hezbollah."
Trump aktar tard qal li l-Libanu se "jieħu ħsieb ta' Hezbollah", u żied jgħid li jemmen li l-grupp appoġġjat minn Tehran se jżomm mal-waqfien mill-ġlied.
Membru parlamentari tal-Hezbollah qal lill-AFP li l-grupp se "jsegwi b'kawtela" l-ftehim tal-waqfien mill-ġlied jekk Iżrael iwaqqaf l-attakki.
Ibrahim al-Moussawi rringrazzja lill-Iran talli applika pressjoni favur il-Libanu; u żied jgħid li "l-waqfien mill-ġlied ma kienx iseħħ mingħajr ma l-Iran ikkunsidra l-waqfien mill-ġlied bħala kwistjoni ta' importanza ugwali għall-għeluq tal-Istrett ta' Hormuz".
Netanyahu qal li Iżrael jaqbel mal-ftehim tal-waqfien mill-ġlied iżda se jżomm "żona ta' sigurtà" ta' għaxar kilometri (sitt mili) tul il-fruntiera fin-nofsinhar tal-Libanu.
Huwa żied jgħid li Iżrael żamm żewġ kundizzjonijiet għall-waqfien mill-ġlied: id-diżarm tal-Hezbollah, u ftehim ta' paċi dejjiemi "ibbażat fuq is-saħħa".
Ftehim mal-Iran ‘viċin ħafna’.
Il-Prim Ministru Lebaniż Nawaf Salam laqa’ t-tħabbira ta’ Trump dwar waqfien mill-ġlied, u qal li l-waqfien mill-ġlied kienet xewqa ewlenija fost il-poplu Lebaniż li ilu jixtieq ''sa mill-ewwel jum tal-gwerra'' bejn Hezbollah u Iżrael.
Qabel il-waqfien mill-ġlied, l-uffiċċju ta’ Aoun irringrazzja lil Trump għall-“isforzi” tiegħu sabiex jiżgura l-ftehim. Iżda l-President Lebaniż baqa' jirrifjuta t-talba ta’ Trump għal telefonata diretta ma’ Netanyahu, qal sors uffiċjali lill-AFP.
Il-waqfien mill-ġlied ġie wara li l-ambaxxaturi Iżraeljani u Libaniżi ltaqgħu f’Washington din il-ġimgħa; l-ewwel laqgħa tat-tip tagħha sa mill-1993.
Dan il-ftehim jista’ wkoll jagħti spinta lill-isforzi kontinwi ta’ Trump sabiex jilħaq ftehim bl-għan li titemm il-gwerra mal-Iran.
Trump qal li Washington kienet “qrib ħafna” għal ftehim ta’ paċi mal-Iran wara sitt ġimgħat ta’ gwerra u jista’ jivvjaġġa lejn il-Pakistan sabiex jiffirma xi ftehim.
