L-Istati Uniti bdew uffiċjalment blokk navali fl-Istrett ta’ Hormuz nhar it-Tnejn, wara li n-negozjati ta’ paċi mal-Iran spiċċaw mingħajr ftehim.
Il-President Amerikan Donald Trump ħabbar il-miżura permezz ta’ sensiela ta’ posts fuq Truth Social, fejn sostna li n-Navy Amerikana se tibda timblokka bastimenti li jippruvaw jidħlu jew joħorġu mill-istrett.
Madankollu, il-Kmand Ċentrali tal-militar Amerikan aktar tard speċifika li l-blokk se jkun limitat għal bastimenti li jkunu sejrin lejn jew ġejjin minn portijiet Iranjani, u b’hekk jidher li hemm differenza bejn dak li qal il-president u l-implimentazzjoni fuq il-post.
Il-Viċi President JD Vance, li rrappreżenta lill-Istati Uniti fin-negozjati falluti, qal li l-miżura hija risposta għal dak li sejjaħ “terroriżmu ekonomiku” mill-Iran, u sostna li l-ebda bastiment Iranjan ma għandu jitħalla joħroġ.
Bi ftit jiem biss fadal mill-waqfien mill-ġlied, Trump wissa li l-forzi militari Amerikani huma “lesti u armati” biex jerġgħu jibdew attakki kontra l-Iran f’mument opportun, filwaqt li hedded li kull min jattakka bastimenti Amerikani se jiffaċċja konsegwenzi severi.
Min-naħa tiegħu, l-Iran ikkundanna l-azzjoni bħala “att ta’ piraterija” u wissa kontra provokazzjonijiet ġodda. F’telefonata mal-President Franċiż Emmanuel Macron, il-President Iranjan Masoud Pezeshkian appella lill-Ewropa biex tilgħab rwol kostruttiv fil-proċess ta’ paċi.
Hu sostna li approċċi bbażati fuq theddid u pressjoni militari mhux biss ma jsolvux il-problemi, iżda jistgħu jaggravaw is-sitwazzjoni.
L-Istrett ta’ Hormuz ilu jitqies bħala punt strateġiku kruċjali, u fil-passat l-Iran kien jużah biex jikkontrolla l-passaġġ ta’ bastimenti, b’mod selettiv skont il-pajjiżi involuti.
Xi analisti jemmnu li l-Istati Uniti qed jippruvaw iżidu pressjoni indiretta fuq l-Iran permezz tal-imsieħba kummerċjali tiegħu, fosthom iċ-Ċina, li timporta ammont sostanzjali taż-żejt Iranjan.
Sadanittant, istituzzjonijiet internazzjonali fosthom l-International Monetary Fund, il-World Bank u l-International Energy Agency wissew li s-sitwazzjoni tista’ twassal għal kriżi serja fl-enerġija fuq skala globali.
Id-Direttur tal-IEA Fatih Birol qal li l-kundizzjonijiet ekonomiċi globali jistgħu jiddeterjoraw hekk kif il-provvista taż-żejt tibda tonqos fil-ġimgħat li ġejjin.
Trump, f’intervista ma’ Fox News, esprima fiduċja li l-Iran eventwalment se jaċċetta t-talbiet Amerikani, filwaqt li qal li l-ekonomija tal-Istati Uniti se tibqa’ soda minkejja żieda possibbli fil-prezzijiet taż-żejt.