Telfa għal Orban fl-elezzjoni tal-Ungerija tista’ tkun il-punt ta’ bidla li Putin jibża’ minnu
L-elezzjonijiet leġiżlattivi tal-Ungerija nhar il-Ħadd qed jiġu segwiti mill-qrib f’Moska. Il-Prim Ministru Viktor Orban ilu l-eqreb alleat tal-President Russu Vladimir Putin fi ħdan l-Unjoni Ewropea, u rebħa għall-partit tal-oppożizzjoni Tisza mmexxi minn Peter Magyar tista’ ddgħajjef l-influwenza tal-Kremlin fil-blokk
minn Eman Farrugia
Wara 16-il sena fil-poter jagħmel dak li r-Russja trid fi Brussell, il-partit Fidesz tal-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orban jinsab f’riskju li jitlef il-poter fl-elezzjonijiet parlamentari tal-Ħadd, bl-isfidant Peter Magyar ikun ferm aktar ’il quddiem fil-votazzjonijiet.
Jidher li l-Kremlin għamel minn kollox sabiex jagħti spinta lill-wieħed mill-ikbar alleati tiegħu fl-Ewropa, filwaqt illi Washington għamlet l-istess hekk kif il-Viċi-President tal-Istati Uniti JD Vance għamel żjara fl-Ungerija bl-għan illi jqanqal appoġġ għal Orban.
Rapport intern għas-servizz tal-intelliġenza SVR tar-Russja żvelat f’Marzu ddeskriva strateġija msejħa “il-Gamechanger”, li kienet tinkludi attentat ta’ qtil kontra Orban biex “jibdel fundamentalment il-paradigma kollha tal-kampanja elettorali”.
Il-kampanja Ungeriża rat eskalazzjoni kbira fl-indħil, inklużi “operazzjonijiet ta’ influwenza dokumentati, kampanji ta’ diżinformazzjoni u rapporti ta’ attivitajiet marbuta mal-intelligence”, tgħid Edit Zgut-Przybylska, affiljata tar-riċerka fl-Istitut tad-Demokrazija tal-Università Ċentrali Ewropea f’Budapest u speċjalista dwar ir-rigress demokratiku.
Moska ġiet akkużata wkoll li bagħtet tim ta’ “speċjalisti” tal-elezzjonijiet; marbuta mal-GRU, li hija l-intelliġenza militari Russa; lejn Budapest sabiex jimmonitorjaw mill-qrib dawn l-operazzjonijiet ta’ indħil politiku.
F'dan il-punt, "dak li qed naraw mhuwiex indħil iżda l-kollużjoni bejn il-gvern Ungeriż u r-Russja", jgħid Anton Shekhovtsov, direttur taċ-Ċentru għall-Integrità Demokratika fl-Awstrija u espert fir-rabtiet bejn Moska u l-partiti tal-lemin estrem tal-Ewropa.
Shekhovtsov innota li d-dehra konġunta tal-Viċi President tal-Istati Uniti JD Vance ma' Orban f'Budapest aktar kmieni din il-ġimgħa kienet tentattiv ieħor minn "interessi barranin" sabiex jinfluwenzaw il-vot.
Il-President tal-lemin tal-Istati Uniti Donald Trump saħansitra wiegħed li jagħti spinta lill-ekonomija tal-Ungerija jekk Orban jirbaħ l-elezzjoni mill-ġdid.
''Ir-Russja għandha interess ċar li żżomm lil Orban fil-poter''
Il-ħatra ta' Daria Boyarskaya, eks interpretu għall-President Russu Vladimir Putin, fit-tim ta' osservaturi li jissorvelja l-vot għall-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) ġiet ikkritikata minn gruppi tad-drittijiet Ungeriżi kif ukoll minn membri tal-Parlament Ewropew.
Ittra miftuħa ffirmata minn 56 membru tal-Parlament Ewropew il-ġimgħa li għaddiet appellat sabiex Boyarskaya titneħħa mir-rwol, filwaqt li kkwota r-rabtiet tagħha ma’ Moska.
“Ir-Russja għandha interess ċar li żżomm lil Orban fil-poter, għaliex l-Ungerija konsistentement aġixxiet bħala Żiemel ta’ Troja tal-Kremlin li ħadem kontra d-deċiżjonijiet tal-UE dwar l-Ukrajna u s-sanzjonijiet kontra r-Russja,” tgħid Zgut-Przybylska.
Putin jaf jitlef “l-aktar sieħeb leali u affidabbli” tiegħu fl-Unjoni Ewropea; pożizzjoni enfasizzata biss il-ġimgħa li għaddiet wara li ġiet żvelata konverżazzjoni li fiha Orban qal li kien lest jgħin lil Putin bi kwalunkwe mod possibbli.
“Jiena għas-servizz tiegħek,” qal lill-president Russu.
Ir-Russja ppruvat ukoll tgħin lil Orban jisfrutta l-gwerra fl-Ukrajna ġara sabiex “jifformula mill-ġdid l-elezzjoni bħala għażla eżistenzjali bejn ‘Paċi u stabbiltà’ taħt Fidesz u ‘Kaos u gwerra’ taħt Tisza”, tgħid Zgut-Przybylska.
Iżda t-tentattivi ta’ Moska biex tiżra’ l-biża’ ma jidhrux li kkonvinċew elettorat ta’ votanti skuntenti li jridu li l-gvern jagħmel aktar sabiex jgħinhom fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom, inkluż f’oqsma bħall-edukazzjoni pubblika u l-kura tas-saħħa.
Il-mexxej tal-oppożizzjoni Peter Magyar, eks-membru tal-Fidesz ta’ Orban li jappoġġja politika aktar favur l-Ewropa, jinsab fuq quddiem b’madwar 10 punti fil-votazzjonijiet.
Il-prospett ta' Ungerija pro-Unjoni Ewropea jibqa' mhux granatit
Anke rebħa għall-Partit Tisza ma tiggarantixxix li se jkun jista’ jiggverna l-Ungerija b’suċċess, josserva Shekhovtsov, filwaqt li jinnota li wara 16-il sena fil-poter, il-partit ta’ Orban u l-alleati tiegħu għamlu progress kbir fl-istituzzjonijiet politiċi Ungeriżi.
Il-prim ministru attwali għamel dak kollu li seta’ biex jiżgura li l-alleati tiegħu, l-istituzzjonijiet politiċi u l-midja ħbieb tiegħu jibqgħu stabbiliti anke wara t-tluq tiegħu mill-poter.
Iżda rebħa għal Maygar tista’ tfisser li l-Ungerija “tibda tiddistanzja ruħha mir-Russja, għalkemm l-influwenza Russa ma tisparixxix mil-lum għal għada”, tgħid Zgut-Przybylska.
L-influwenza ta’ Moska tista’ saħansitra tiżdied, hekk kif il-Kremlin jista’ “jaħdem b’mod attiv biex idgħajjef” gvern Ungeriż ġdid li kien qiegħed ifittex li jinnormalizza r-relazzjonijiet mal-Unjoni Ewropea.
“Naturalment se jkun hemm tentattivi kbar mir-Russi biex idgħajfu lil Magyar,” jaqbel Shekhovtsov, u jżid li Moska tista’ tistenna wkoll appoġġ kontinwu minn Orban minn ġewwa l-Ungerija.
U r-Russja għad għandha alleati fl-Ewropa lil hinn mill-Ungerija; notevolment fis-Slovakkja tal-Prim Ministru tal-lemin Robert Fico; li jistgħu jkomplu jdgħajfu l-politiki favur l-Ukrajna u l-Unjoni Ewropea.
Madankollu, is-Slovakkja tkun sostitut aktar dgħajjef bħala sieħba Russa peress li hija aktar integrata fis-sistema Ewropea u għalhekk għandha inqas spazju għall-manuvri favur Moska.
“Is-Slovakkja hija parti miż-żona tal-ewro, [għalhekk] Fico għandha aktar restrizzjonijiet fis-sistema tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea u hija inqas iżolata mill-Ungerija,” tgħid Zgut-Przybylska.
''Vladimir Putin assolutament nervuż'' dwar l-elezzjoni tal-Ungerija
“Vladimir Putin assolutament nervuż ħafna" dwar l-elezzjoni tal-Ungerija, qal espert li tkellem waqt intervista ma' France24.
Iżda r-Russja xorta tista' tiddependi fuq l-għajnuna Ungeriża anke jekk Magyar jirbaħ. Filwaqt li wiegħed approċċ aktar Russo-xettiku, mhux probabbli li jagħmel qasma kompleta ma' Moska.
"Mhux tajjeb għar-Russja, imma lanqas mhu katastrofi kompleta għalihom," jgħid Michael Toomey, speċjalista fil-populiżmu fl-Ewropa Ċentrali fl-Università ta' Glasgow, dwar rebħa possibbli għal Magyar.
Is-Slovakkja u l-Ungerija insistew li jżommu aċċess għaż-żejt u l-gass Russu rħis, billi argumentaw kontra jew saħansitra jimblokkaw sanzjonijiet fuq Moska.
Magyar allegatament irid ukoll jiżgura aċċess għar-riżorsi tal-enerġija Russi.
"Hemm ħafna raġunijiet strutturali biex l-Ungerija trid tkompli tinsisti għall-aċċess għaż-żejt u l-gass Russu," jinnota Toomey. Għalhekk, filwaqt li huwa probabbli li Magyar se jappoġġja lill-Ukrajna; u se jkun "inqas xewka f'ġenb l-Unjoni Ewropea;" dan mhux bilfors ifisser li dejjem se jimxi mal-linja.
Filwaqt li l-Unjoni Ewropea appellat lill-istati membri kollha sabiex itemmu d-dipendenza tagħhom fuq l-enerġija Russa sal-2027, Magyar diġà għamilha ċara li l-Ungerija mhux se tkun tista’ tagħmel dan qabel l-2035.
Ħadd ma jistenna li Budapest taqta’ r-rabtiet ma’ Moska, jgħid Shekhovtsov. Dak li hu mistenni, jgħid, huwa li l-Ungerija “tkun membru responsabbli tal-Unjoni Ewropea u ssegwi l-linja tal-Unjoni Ewropea dwar ir-Russja”.
U kwalunkwe qasma reali mir-Russja tista’ sseħħ biss jekk Tisza tikseb maġġoranza komda fil-vot tal-Ħadd, li jippermettilha tevita li tagħmel kompromessi ideoloġiċi sinifikanti sempliċement biex tifforma gvern.
Jekk Magyar jirbaħ iżda ma jiżgurax tali maġġoranza, jgħid Shekhovtsov, “se jkollu battalja kbira x’jiġġieled”.
