Iċ-Ċina mhux se tittollera l-indipendenza għal Tajwan, jgħid Xi lill-mexxej tal-oppożizzjoni tal-gżira
Cheng Li-wun, li hija l-mexxej tal-akbar partit tal-oppożizzjoni Tajwaniż, il-Kuomintang (KMT), tinsab fiċ-Ċina fuq dak li hija sejħet missjoni ta' paċi sabiex jitnaqqsu t-tensjonijiet fi żmien meta Beijing żiedet il-pressjoni militari kontra Tajwan; gżira li ċ-Ċina tinsisti li hija parti integrali mit-territorju tagħha.
minn Eman Farrugia
Iċ-Ċina "assolutament mhux se tittollera" l-indipendenza ta' Tajwan, li ġiet deskritta waħda mill-ikbar ostakli għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni bejn iż-żewġ naħiet fl-Istrett ta' Tajwan.
Dan inqtal hekk kif il-President Xi Jinping iltaqa' mal-mexxej tal-oppożizzjoni ta' Tajwan waqt laqgħa nhar il-Ġimgħa, fejn appella għal sforzi sabiex titmexxa 'l quddiem ir-riunifikazzjoni taċ-Ċina.
Cheng Li-wun, li hija l-mexxej tal-akbar partit tal-oppożizzjoni Tajwaniż, il-Kuomintang (KMT), tinsab fiċ-Ċina fuq dak li hija sejħet missjoni ta' paċi sabiex jitnaqqsu t-tensjonijiet fi żmien meta Beijing żiedet il-pressjoni militari kontra Tajwan; gżira li ċ-Ċina tinsisti li hija parti integrali mit-territorju tagħha.
Waqt laqgħa fis-Sala l-Kbira tal-Poplu, Xi qal lil Cheng li d-dinja tal-lum mhix kompletament fil-paċi, u li l-paċi kienet prezzjuża.
"Il-kompatrijotti fuq iż-żewġ naħat tal-istrett huma kollha Ċiniżi; nies ta' familja waħda li jridu l-paċi, l-iżvilupp, l-iskambju u l-kooperazzjoni," qal, f'kummenti mxandra mill-istazzjonijiet tat-televiżjoni Tajwaniżi.
Il-politika ta' Ċina Waħda
Iż-żewġ naħat tal-istrett jappartjenu għal "Ċina waħda", żied jgħid Xi, skont qari separat tal-midja statali.
"Meta l-familja tkun armonjuża, kollox jirnexxi," qal. "L-indipendenza ta' Tajwan hija l-ħtija ewlenija għat-tidgħjif tal-paċi fl-Istrett ta' Tajwan; aħna assolutament mhux se nittollerawha jew nikkonċeduha."
Xi semma wkoll is-suġġett delikat tal-għaqda bejn iċ-Ċina u Tajwan, li ilha l-għan ta' Beijing iżda li l-gvern ta' Tajwan sa issa jirrifjuta.
Iċ-Ċina taħt it-tmexxija ta' Xi qiegħda tavvoka għal riunifikazzjoni li tapplika l-mudell ta' ''Pajjiż Wieħed, Żewġ Sistemi,'' li diġa' ġiet applikata fl-eks-kolonji ta' Hong Kong u Macau meta dawn reġgħu ngħaqdu maċ-Ċina fl-1997 u fl-1999 rispettivament.
Il-Kuomintang u l-Partit Komunista jridu "jingħaqdu flimkien sabiex joħolqu futur sabiħ tar-riunifikazzjoni ta' art twelidna u t-tiġdid nazzjonali," qal Xi, li ilu fil-pożizzjoni ta' Segretarju Ġenerali tal-Partit Komunista Ċiniż mill-2012.
It-tmexxija taċ-Ċina tirrifjuta li titkellem mal-President ta' Tajwan Lai Ching-te, u tgħid li huwa separatista li jhedded is-sovranita' u l-integrita' territorjali taċ-Ċina.
Meta tkellem mal-ġurnalisti f’Taipei tard nhar il-Ġimgħa, uffiċċjal politiku għoli li huwa responsabbli mill-politika ta' Tajwan għaċ-Ċina, Chiu Chui-cheng, qal li n-nies tat-Tajwan biss jistgħu jiddeċiedu l-futur tagħhom u li ċ-Ċina għandha tinvolvi ruħha mal-gvern leġittimu u elett demokratikament ta’ Taipei.
"Il-komunisti Ċiniżi qegħdin deliberatament joħolqu l-impressjoni falza li Tajwan hija affari interna taċ-Ċina," żied jgħid.
Iżda sa issa, in-Nazzjonijiet Uniti baqgħet qatt ma rrikonoxxiet id-dritt ta' awtodeterminazzjoni għal Tajwan u dejjem ħaddnet il-politika ta' ''Ċina Waħda,'' u huma biss 14-il stat membru tan-Nazzjonijiet Uniti li għadhom jirrikonoxxu lir-Repubblika taċ-Ċina (li hija bbażata f'Tajwan) minflok ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (li hija bbażata fiċ-Ċina).
Ir-Repubblika taċ-Ċina twaqqfet fl-1911 wara rivoluzzjoni taħt it-tmexxija ta' Sun Yat-sen li għelbet it-tmexxija tad-Dinastija taċ-Ċing.
Iżda l-gvern tar-Repubblika taċ-Ċina mmexxi dak iż-żmien mill-Kuomintang irtira lejn il-gżira ta' Tajwan fl-1949 wara li tilef gwerra ċivili mal-komunisti ta’ Mao Zedong, li waqqfu r-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Sal-lum, l-ebda gvern ma jirrikonoxxi formalment lill-ieħor.
Madanakollu, it-tmexxija attwali tal-Kuomintang jiffavorixxi rabtiet diplomatiċi u ekonomiċi aktar mill-qrib ma’ Beijing milli l-Partit Demokratiku Progressiv li jinsab fil-gvern.
L-Istati Uniti qalet li skambju sinifikanti bejn l-istrett għandu jiffoka fuq djalogu bejn "it-tmexxija ta’ Beijing u l-awtoritajiet eletti demokratikament ta’ Tajwan mingħajr prekundizzjonijiet," filwaqt li jinkludi wkoll il-partiti politiċi l-oħra kollha fit-Tajwan.
"Aħna nopponu kwalunkwe bidla unilaterali fl-istatus quo minn kwalunkwe naħa," qal kelliem tad-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti, li ħeġġeġ lil Beijing sabiex tirtira mill-pressjoni militari, diplomatika u ekonomika tagħha kontra Tajwan.
Beijing regolarment issejjaħ lil Taiwan l-aktar kwistjoni sensittiva u importanti bejnha u l-Istati Uniti. Washington m'għandhiex rabtiet formali ma' Tajwan, iżda hija l-eqreb sostenitur tal-gżira u s-sors ewlieni ta' armi.
It-tama li l-Istett ta' Tajwan ma jsirx "bord taċ-ċess sabiex forzi esterni jintervjenu fih"
Cheng qalet lil Xi li r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ naħat li huma ta' benefiċċju reċiproku kienu dak li xtaq il-pubbliku fuq iż-żewġ naħat, u li l-interazzjonijiet u l-iskambji għandhom ikunu reċiproċi.
"Jiena, Li-wun, nittama sinċerament li xi darba fil-futur, ikolli l-opportunità li nkun l-ospitanti u nilqa' lis-Segretarju Ġenerali Xi u lilkom ilkoll hawn preżenti fit-Tajwan," żiedet tgħid, filwaqt li użat it-titlu ta' Xi bħala kap tal-Partit Komunista.
Cheng qalet li tittama li permezz tal-isforzi taż-żewġ partijiet, l-Istrett ta' Tajwan ma jibqax punt fokali ta' kunflitt potenzjali, u ċertament ma jsirx "bord taċ-ċess sabiex forzi esterni jintervjenu fih".
Meta tkellmet aktar tard mal-ġurnalisti f'Beijing, Cheng qalet li Xi kien qalilha li ċ-Ċina tirrispetta s-sistema soċjali differenti ta' Tajwan u l-għażla tal-istil ta' ħajja.
"Iżda jittama wkoll li Tajwan ikun jista' jafferma u jirrikonoxxi l-kisbiet tal-iżvilupp taċ-Ċina kontinentali," qalet.
