Il-wasla ta’ eluf ta’ truppi fil-Lvant Nofsani tqajjem il-possibbiltà ta’ invażjoni fuq l-art fl-Iran
Sadanittant, il-qawwiet Iranjani komplew bl-attakki tagħhom fuq l-istati tal-Golf hekk kif l-Għarabja Sawdija u l-Kuwajt kienu fil-mira ta' attakki mill-ajru matul il-lejl tat-Tnejn, anke jekk il-President tal-Istati Uniti Donald Trump tenna l-istqarrijiet li jista’ jintlaħaq ftehim sabiex tintemm il-gwerra “dalwaqt”
minn Eman Farrugia
L-Iran beda attakki fuq il-Kuwajt u l-Għarabja Sawdija wara li l-faċilitajiet elettriċi Iranjani ġew attakkati f'interventi militari li qatgħu l-elettriku lil partijiet minn Tehran u ż-żoni tal-madwar.
Sadanittant, il-President tal-Istati Uniti Donald Trump isostni li l-gwerra kisbet bidla fir-reġim u li jista’ jintlaħaq ftehim “dalwaqt” ma’ Tehran.
Trump, filwaqt li semma n-numru ta’ mexxejja Iranjani li nqatlu fil-gwerra bejn l-Istati Uniti u l-Iżrael kontra l-Iran li ilha għaddejja ftit iktar minn xahar, qal li l-bidla fir-reġim diġà nkisbet, u t-tmexxija l-ġdida hija “ħafna aktar raġonevoli”.
“Kellna bidla fir-reġim,” qal lilll-ġurnalisti abbord l-Air Force One. “Qegħdin nitħaddtu ma’ nies differenti minn dawk li qatt tħadditna qabel. Huwa grupp ta’ nies kompletament differenti. Għalhekk nikkunsidra dan bħala bidla fir-reġim.”
Trump ġie mistoqsi abbord l-Air Force One jekk l-Iran kienx wieġeb għal pjan ta’ waqfien mill-ġlied ta’ 15-il punt li ppropona l-Istati Uniti u qal li kien hemm tweġiba. “Tawna l-biċċa l-kbira tal-punti. Għaliex ma tawniex,” qal il-President tal-Istati Uniti.
Fil-Pakistan, il-gvern qed ifittex li jikkapitalizza fuq ir-rabtiet tiegħu ma’ Tehran, l-istati tal-Golf u l-amministrazzjoni ta' Trump sabiex ikun jista' jinnegozja taħditiet ta’ paċi li jwasslu għat-tmiem tal-gwerra.
“Il-Pakistan huwa kuntent ħafna li kemm l-Iran kif ukoll l-Istati Uniti esprimew il-fiduċja tagħhom fil-Pakistan sabiex jiffaċilita it-taħditiet,” qal il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ishaq Dar.
Iżda l-ispeaker tal-parlament tal-Iran akkuża lil Washington li qed tuża d-diplomazija bħala paraventi.
“L-għadu qiegħed jibgħat pubblikament messaġġi ta’ negozjar u djalogu waqt li jippjana bil-moħbi attakk fuq l-art,” qal Mohammad Bagher Ghalibaf fi stqarrija mxerrda mill-aġenzija tal-aħbarijiet uffiċjali IRNA.
“L-irġiel tagħna qegħdin jistennew il-wasla tas-suldati Amerikani fuq l-art biex jagħtuhom in-nar u jikkastigaw lill-alleati reġjonali tagħhom darba għal dejjem,” żied jgħid.
Minkejja li għamlu offerti diplomatiċi, l-Istati Uniti bagħtu wkoll aktar assi militari fir-reġjun.
Il-USS Tripoli, vapur ta' assalt anfibju li jġorr madwar 3,500 Marine u baħri, wasal fil-Lvant Nofsani nhar il-Ġimgħa.
Skont The Washington Post, il-Pentagon kien ilu jħejji pjanijiet ta' operazzjonijiet fuq l-art għal matul dawn l-aħħar ġimgħat, u rejds fuq siti ħdejn l-Istrett ta' Hormuz huma potenzjalment inklużi, għalkemm Trump għadu ma approvax xi skjerament.
Qtugħ tad-dawl f'Tehran u ż-żoni tal-madwar
L-Iran nieda attakki fuq il-Kuwajt u l-Għarabja Sawdija wara li l-faċilitajiet elettriċi Iranjani ġew attakkati, u qatgħu d-dawl lil partijiet ta' Tehran u ż-żoni tal-madwar.
Il-Ministeru tal-Enerġija tal-Iran irrapporta qtugħ tad-dawl fil-kapitali Tehran, ir-reġjun tal-madwar u l-provinċja ġara ta' Alborz nhar il-Ħadd "wara attakki fuq faċilitajiet tal-industrija tal-elettriku".
Qal li "l-elettriku nqata' f'dawn iż-żoni, u qegħdin isiru sforzi biex tissolva l-problema", skont ix-xandir tal-istat Iranjan.
Trump qabel hedded li jibda jattakka l-power stations Iranjani jekk Tehran ma tinnegozjax ftehim ta' paċi, qabel ma estenda ripetutament l-ultimatum tiegħu sabiex jagħmel dan.
Min-naħa l-oħra, attakk Iranjan fuq power station u desalinizzazzjoni tal-ilma fil-Kuwajt qatel ħaddiem Indjan wieħed u għamel ħsara lil bini fis-sit, qal il-ministeru tal-elettriku tal-Kuwajt nhar it-Tnejn.
Sadanittant, il-Ministeru tad-Difiża tal-Għarabja Sawdija qal li l-forzi tiegħu skoprew u interċettaw ħames missili ballistiċi.
Il-ministeru tal-enerġija tal-Iran irrapporta qtugħ tad-dawl f'Tehran, ir-reġjun tal-madwar, u l-provinċja ta' Alborz "wara attakki fuq faċilitajiet tal-industrija tal-elettriku."
Iżrael se jespandi l-invażjoni tan-Nofsinhar tal-Libanu
Il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu qal nhar il-Ħadd li kien ordna lill-militar "biex ikompli jespandi ż-żona ta' sigurtà eżistenti" hekk kif pajjiżu jkompli bl-invażjoni illegali fuq in-Nofsinhar tal-Libanu.
Huwa maħsub illi l-militar Iżraeljan qiegħed ifittex illi jistabbilixxi okkupazzjoni militari permanenti 'l isfel mix-Xmara Litani sabiex jikkumbatti lill-grupp Lebaniż Hezbollah.
"Dan huwa maħsub biex jinnewtralizza b'mod definittiv it-theddida ta' invażjoni (mill-militanti ta' Hezbollah) u biex iżomm in-nar ta' missili kontra t-tankijiet 'il bogħod mill-fruntiera," kompla jgħid il-Prim Ministru Iżraeljan.
"L-Iran m'għadux l-istess Iran, Hezbollah m'għadux l-istess Hezbollah, u Hamas m'għadux l-istess Hamas," żied jgħid Netanyahu.
"Dawn m'għadhomx armati terroristiċi li qed jheddu l-eżistenza tagħna; huma għedewwa megħluba, li qegħdin jiġġieldu għas-sopravivenza tagħhom stess."
"Aħna determinati, qed niġġieldu, u bl-għajnuna t'Alla, qed nirbħu," qal Netanyahu.
L-għadd ta’ mwiet ikompli jiżdied
Il-ministeru tas-saħħa tal-Libanu qal nhar il-Ħadd li l-attakki Iżraeljani qatlu 1,238 persuna fil-pajjiż minn mindu bdiet l-aħħar gwerra mal-Hezbollah fit-2 ta’ Marzu.
L-għadd ta’ mwiet inkluda 124 tifel u tifla, filwaqt li aktar minn 3,500 persuna ndarbu, qal il-ministeru fi stqarrija. Is-Sibt u l-Ħadd biss, inqatlu 49 persuna, qal, inklużi 10 ħaddiema tas-salvataġġ u tliet ġurnalisti.
Il-forza tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libanu (UNIFIL) qalet li wieħed mill-forzi taż-żamma tal-paċi tagħha nqatel wara li projettili laqat waħda mill-pożizzjonijiet tagħha tard il-Ħadd.
"Forza taż-żamma tal-paċi nqatel traġikament ilbieraħ filgħaxija meta projettili sploda f'pożizzjoni tal-UNIFIL ħdejn Adchit Al Qusayr," qalet id-dikjarazzjoni tat-Tnejn. "Ieħor indarab kritikament."
Id-dikjarazzjoni tal-UNIFIL qalet li ma kinitx taf l-oriġini tal-projettili iżda kienet nediet investigazzjoni sabiex jiġu identifikati.
Il-gvern tal-Iran ma ħareġx għadd aġġornat ta’ vittmi f’dawn l-aħħar jiem, iżda l-Aġenzija tal-Aħbarijiet tal-Attivisti tad-Drittijiet tal-Bniedem (HRANA) ibbażata fl-Istati Uniti qalet fit-28 ta’ Marzu li mill-inqas 3,461 persuna nqatlu, inklużi 1,551 ċivili, fosthom mill-inqas 236 tifel u tifla.
Is-servizzi ta’ emerġenza u l-awtoritajiet Iżraeljani jgħidu li l-attakki qatlu 19-il ċivili fuq in-naħa Iżraeljana mill-bidu tal-gwerra, filwaqt li l-awtoritajiet fl-istati tal-Golf u l-Kmand Ċentrali tal-Istati Uniti (CENTCOM) irrappurtaw 38 persuna maqtula, inklużi 19-il ċivili.
Is-CENTCOM ikkonfermat li sitt membri tas-servizz Amerikani nqatlu fil-Kuwajt u wieħed fl-Għarabja Sawdija.
