Il-gżira ta' Kharg fl-Iran milquta minn attakki tal-Istati Uniti; l-istrutturi taż-żejt mhux mittiefsa

L-attakki fuq il-gżira ta' Kharg; illi sservi bħala punt tat-tluq ewlieni minn fejn jiġi esportat aktar minn 90% taż-żejt kollu tal-Iran; jistgħu jaggravaw is-sitwazzjoni

Ritratt: Wikimedia Commons.
Ritratt: Wikimedia Commons.

Il-President Donald Trump qal illi l-militar tal-Istati Uniti bbumbardja installazzjonijiet militari fuq il-gżira ta' Kharg fl-Iran, u wissa li qiegħed ifittex li jattakka faċilitajiet kritiċi taż-żejt fiż-żona jekk l-Iran ikompli jimblokka l-Istrett ta’ Ħormuż.

Bi tweġiba, l-Iran qal illi se jnaqqas il-faċilitajiet taż-żejt marbuta mal-Istati Uniti għal “munzell ta’ rmied” jekk l-istrutturi taż-żejt tiegħu fuq il-gżira ta' Kharg jiġu attakkati.

Il-gwerra bejn l-Istati Uniti u l-Iżrael fuq l-Iran, li qed tidħol fit-tielet ġimgħa tagħha, diġà tefgħet is-swieq globali taż-żejt fil-kaos. Il-prezzijiet taż-żejt mhux raffinat żdiedu b’aktar minn 40% minn meta faqqgħet il-gwerra.

L-attakki fuq il-gżira ta' Kharg; illi sservi bħala punt tat-tluq ewlieni minn fejn jiġi esportat aktar minn 90% taż-żejt kollu tal-Iran; jistgħu jaggravaw is-sitwazzjoni.

Trump qal nhar il-Ġimgħa li l-forzi tal-Istati Uniti “qerdu kompletament” il-miri militari kollha fuq il-gżira. Madankollu, qal ukoll illi għażel illi ma “jeqridx” l-infrastruttura taż-żejt fuq il-gżira għalissa.

“Madankollu, jekk l-Iran, jew xi ħadd ieħor, jagħmel xi ħaġa sabiex jinterferixxi mal-passaġġ ħieles u sigur għall-bastimenti mill-Istrett ta’ Ħormuż, se nerġa’ nikkunsidra din id-deċiżjoni immedjatament,” qal il-President Trump.

Fl-Iran, laġenzija tal-aħbarijiet Fars News Agency irrappurtat li l-attakki kienu mmirati lejn difiżi tal-ajru, bażi navali u faċilitajiet tal-ajruport.

Wara l-attakk, Trump qal illi jkun għaqli għall-Iran illi "jniżżlu l-armi tal-ajru tagħhom, u jsalvaw dak illi fadal minn pajjiżhom".

Mill-inqas 1,444 persuna nqatlu u 18,551 indarbu minn attakki tal-Istati Uniti u l-Iżrael fuq l-Iran mit-28 ta' Frar 'l hawn, skont il-Ministeru tas-Saħħa tal-Iran.

More in Barranin