L-Iżrael tikkunsidra l-bini ta’ bażi fis-Somaliland sabiex tniedi attakki lejn il-Houthis tal-Jemen

Is-Somaliland; stat separatista fis-Somalja li ġie rrikonoxxut mill-Iżrael f'Diċembru; se tippermetti lill-Iżrael sabiex jiġbor intelliġenza dwar il-Houthis, bl-għan illi jkun jista' jwettaq operazzjonijiet kontra l-grupp Jemenit

Ritratt: Wikimedia Commons.
Ritratt: Wikimedia Commons.

L-Iżrael qiegħda tesplora l-possibbilita' li tibni bażi militari fir-reġjun separatista tas-Somaliland; reġjun ikkontestat fis-Somalja; sabiex tkun tista’ tniedi attakki lejn il-Houthis tal-Jemen, skont rapport ta’ Bloomberg ippubblikat nhar l-Erbgħa.

F’Diċembru, Iżrael sar l-ewwel pajjiż li rrikonoxxa lis-Somaliland bħala stat sovran.

Is-Somaliland se tippermetti lill-Iżrael sabiex jiġbor intelliġenza dwar il-Houthis, bl-għan illi jkun jista' jwettaq operazzjonijiet kontra l-grupp Jemenit, qalu żewġ uffiċjali tas-Somaliland li tkellmu bil-kundizzjoni li jibqgħu anonimi lil Bloomberg.

Iżrael ilu xhur iħejji t-triq għal bażi possibbli fil-Golf ta' Aden. F’Ġunju li għadda, grupp ta’ uffiċjali tas-sigurtà Iżraeljani żaru l-kosta tas-Somaliland, qalu nies familjari mal-kwistjoni.

Hemmhekk, l-uffiċjali Iżraeljani stħarrġu x-xtajta tas-Somaliland, fit-tfittxija ta’ sit potenzjali għal bażi jew installazzjoni sabiex jiġġieldu kontra l-moviment Houthi, li huwa magħruf uffiċjalment bħala Ansar Allah.

Is-sit allokat huwa madwar 260km 'il bogħod mill-Jemen, tul il-Golf ta’ Aden; kuritur marittimu strateġiku li jgħaqqad lill-Ażja mal-Ewropa billi jgħaqqad l-Oċean Indjan mal-Baħar l-Aħmar.

Ftit wara li r-rikonoxximent Iżraeljan tar-reġjun separatista li ġie kkonfermat fis-26 ta’ Diċembru, uffiċjali tas-Somaliland ivvjaġġaw lejn Iżrael biex jikkonsolidaw ir-rabtiet ta’ sigurtà, qalu sorsi lil Bloomberg.

Waħda mill-'akbar theddidiet' ta’ Iżrael

Il-moviment Houthi, alleat mill-qrib tal-Iran, għadu ma tax l-opinjoni tiegħu minn meta l-Istati Uniti u Iżrael attakkaw lill-Iran aktar minn ġimgħa ilu. L-Iran irritalja għall-gwerra billi attakka lil Iżrael kif ukoll miri f’pajjiżi madwar ir-reġjun kollu.

Matul il-genoċidju ta’ Iżrael fuq Gaża, il-Houthis nedew attakki bil-missili u drones fuq tbaħħir internazzjonali fil-Baħar l-Aħmar kif ukoll fuq Iżrael, f’att ta’ solidarjetà mal-Palestinjani.

Ġeneral Iżraeljan qal lil Bloomberg li twaqqfet unit speċjali tal-intelligenza li speċifikament se tiffoka fuq il-Houthis, li l-ġeneral qal li kellhom mijiet ta’ rokits li setgħu jilħqu Iżrael.

Filwaqt li Iżrael kien ilu jiddiskuti r-rikonoxximent tas-Somaliland għal snin sħaħ, il-ftehim ġie ssiġillat f’Diċembru minħabba li uffiċjali tal-intelligenza Iżraeljani qiesu lill-Houthis bħala waħda mill-akbar theddidiet ta’ Iżrael, qalu diplomatiċi reġjonali u uffiċjal militari Iżraeljan lil Bloomberg.

B'riżultat tal-attakki tal-Baħar l-Aħmar, it-traffiku marittimu permezz tal-Golf ta’ Aden naqas b’70 fil-mija f’sentejn.

Rigward l-attakki fuq Iżrael, attakki f’Settembru 2025 waqqfu għal ħin qasir it-traffiku fl-Ajruport Ramon fin-nofsinhar ta’ Iżrael, filwaqt li ieħor żgiċċa d-difiżi tal-ajru Iżraeljani u laqat lukanda fil-belt turistika ta’ Eilat.

Rabtiet tas-Somaliland mal-Emirati Għarab Magħquda

Is-Somaliland ilha parti mis-Somalja minn att ta' unifikazzjoni bejn is-Somaliland Brittanika u s-Somaliland Taljana fl-1960. Madanakollu, wara l-bidu ta' gwerra ċivili fis-Somalja, ir-reġjun ddikjara l-indipendenza tiegħu fl-1991 u stabbilixxa stat b'mod de facto.

Għalkemm kellha relazzjonijiet diplomatiċi mhux uffiċjali ma’ diversi pajjiżi, is-sovranità tagħha ma kinitx ġiet rikonoxxuta minn xi stat membru permanenti tan-Nazzjonijiet Uniti sakemm Iżrael għamel dan f’Diċembru.

F’Awwissu, Ted Cruz, is-senatur Repubblikan minn Texas, kiteb lill-President Donald Trump sabiex iħeġġu jirrikonoxxi formalment is-Somaliland.

Cruz qal li Hargeisa kienet qiegħda tfittex li ssaħħaħ ir-rabtiet ma’ Iżrael u kienet esprimiet appoġġ għall-Akkordji ta’ Abraham.

Wieħed mill-postijiet li qegħdin jiġu kkunsidrati għal bażi jew installazzjoni Iżraeljana hija żona ta’ art għolja madwar 100km fil-punent tal-port ta’ Berbera, qalu sorsi lil Bloomberg.

Il-belt tinsab f'post fejn l-Emirati Għarab Magħquda, alleat mill-qrib tas-Somaliland, għandha mitjar militari u port immexxi mill-kumpanija tal-loġistika tagħha DP World.

Il-port ta' Berbera huwa parti minn nisġa ta' bażijiet tul il-Golf ta' Aden mibnija mill-Emirati Għarab Magħquda. Il-gvern tas-Somaliland aċċetta offerta min-naħa tal-Emirati fl-2017 sabiex jistabbilixxi bażi militari f'Berbera.

Fi snin riċenti, l-Emirati Għarab Magħquda intensifikat il-manuvri tagħha sabiex tistabbilixxa lilha nnifisha bħala attur ġeopolitiku maġġuri fil-Baħar l-Aħmar.

Matul il-gwerra ċivili fil-Jemen, l-Emirati appoġġjaw b'mod politiku u militari lis-separatisti fil-Jemen t'Isfel, illi huma għedewwa tal-Houthis u tal-gvern Jemenit appoġġjat mill-Għarabja Sawdija.

F'Diċembru li għadda, l-Emirati appoġġjaw tentattiv mis-separatisti sabiex iwaqqfu mill-ġdid stat indipendenti fil-Jemen t'Isfel, iżda dan it-tentattiv falla wara intervent militari min-naħa tal-Għarabja Sawdija li rriżulta fid-dissoluzzjoni tal-grupp separatista f'Jannar.

F'Jannar, is-Somalja qatgħet ir-rabtiet kummerċjali u ta' sigurtà kollha mal-Emirati Għarab Magħquda, u ġġustifika dan billi rrefera għall-portijiet ta' DP World f'Berbera u Bosaso, li dan tal-aħħar jinsab f'Puntland; reġjun semi-awtonomu ieħor tas-Somalja.

L-amministrazzjonijiet fis-Somaliland u l-Puntland it-tnejn irrifjutaw it-tħabbira tas-Somalja.

More in Barranin