L-Istati Uniti u l-Veneżwela jerġgħu jattivaw ir-relazzjonijiet diplomatiċi wara l-ħtif ta’ Maduro

Il-Veneżwela qiegħda tbigħ żejt sanzjonat taħt is-superviżjoni tal-Istati Uniti, hekk kif il-Venezwela biddlet il-liġijiet tagħha sabiex tippermetti aktar investiment barrani fis-settur taż-żejt. Għall-ewwel darba, l-Istati Uniti reġgħet għandha kontroll fuq r-riżervi taż-żejt Veneżwelani wara li l-President Hugo Chávez innazzjonalizza għal kollox is-settur taż-żejt fl-2007

Ritratt: Wikimedia Commons
Ritratt: Wikimedia Commons

L-Istati Uniti u l-Venezwela qablu b'mod konġunt illi jerġgħu jistabbilixxu relazzjonijiet diplomatiċi u konsulari.

L-aġenzija qalet fi stqarrija li ż-żewġ naħat se jagħmlu sforzi konġunti sabiex jippromwovu l-istabbiltà fl-Amerika Latina, jappoġġjaw l-irkupru ekonomiku tal-ekonomija Veneżwelana u javvanzaw tentattivi sabiex issir rikonċiljazzjoni politika bejn iż-żewġ pajjiżi.

Filwaqt li r-relazzjonijiet diplomatiċi bejn iż-żewġ pajjiżi ilhom jitjiebu b'mod gradwali minn meta l-militar Amerikan qabad lill-President Venezwelan Nicolás Maduro f'Jannar f'rejd ta' sorpriża, it-tħabbira ta' rabtiet bilaterali formali timmarka pass simboliku immens.

Il-President Donald Trump ordna lill-militar Amerikan sabiex jaħtaf lil Maduro u lil martu, bl-għan illi dawn jitressqu quddiem qorti f'Manhattan sabiex jiffaċċjaw allegazzjonijiet ta' reati relatati mal-armi u d-droga, illi huma jiċħdu.

L-ambaxxata Amerikana f'Caracas, illi għalqet fl-2019 b'riżultat tat-tensjonijiet bejn bejn iż-żewġ pajjiżi, diġà reġgħet fetħet, u Washington ħatret korp diplomatiku ġdid sabiex ikun preżenti fil-Venezwela.

Il-gvern Venezwelan qal nhar il-Ħamis illi kien lest illi javvanza "stadju ġdid ta' djalogu kostruttiv, ibbażat fuq ir-rispett reċiproku".

Il-gvern kompla jgħid illi r-relazzjoni trid tirriżulta fil-"ferħ soċjali u ekonomiku tal-poplu Venezwelan".

Iżda d-dikjarazzjoni minn Caracas ma għamlet l-ebda referenza għal tranżizzjoni jew elezzjonijiet futuri, b'differenza minn dik tad-dipartiment tal-istat Amerikan.

L-Istati Uniti akkużaw lil Maduro; illi mistenni jgħaddi ġuri dan ix-xahar fl-Istati Uniti; u membri oħra tal-gvern tiegħu li mexxew organizzazzjoni kriminali bl-isem ta' Cartel de los Soles; illi allegatament kienet involuta f'attivitajiet bħall-minjieri illegali u t-traffikar tad-droga. Madanakollu, għadhom ma tressqux provi konkreti sabiex jiġu ssostanzjati dawn l-allegazzjonijiet.

F'Jannar 2026, l-Istati Uniti diġa' kellha twaqqa' l-akkuża li Maduro huwa l-allegat mexxej tal-Cartel de los Soles minħabba nuqqas ta' provi tal-indħil ta' Maduro jew li l-organizzazzjoni filfatt teżisti. F'Novembru 2025, ftit ġimgħat biss qabel l-invażjoni Amerikana fil-Veneżwela, l-Istati Uniti kienet ddikjarat lill-allegata organizzazzjoni bħala organizzazzjoni terroristika. 

Sadanittant, sorsi qalu lill-midja barranija li aktar staff diplomatiku mill-ambaxxata tal-Istati Uniti f'Bogotá, il-Kolombja, huwa mistenni li jiġi trasferit lejn Caracas fiż-żmien illi ġej. Din il-mossa se tagħmilha ħafna aktar faċli għall-uffiċjali Amerikani biex jinnegozjaw wiċċ imb wiċċ ma' dawk Veneżwelani, u sabiex jipprovdu servizzi konsulari lil ċittadini Amerikani fil-Veneżwela.

Id-dipartiment tal-istat tal-Istati Uniti qal li l-impenn tiegħu huwa iffukat fuq il-bżonn illi tingħata l-għajnuna lill-poplu Venezwelan sabiex dan jimxi 'l quddiem permezz ta' "proċess maqsum f'fażijiet illi joħloq il-kundizzjonijiet neċessarji għal tranżizzjoni paċifika għal gvern elett demokratikament".

"Mossa strateġika brillanti": Is-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti dwar l-intervent fil-Veneżwela.

Hekk kif kien fi triqtu għall-Istati Uniti wara żjara fil-Venezwela, is-Segretarju tal-Intern tal-Istati Uniti Doug Burgum qal lill-ġurnalisti fl-Arjuport Internazzjonali ta' Simón Bolívar f'Caracas nhar il-Ħamis illi kienet "mossa strateġika brillanti" min-naħa tal-Istati Uniti sabiex tintervjeni fil-Venezwela qabel l-Iran.

L-Istati Uniti u Iżrael nedew azzjoni militari fuq l-Iran fit-28 ta' Frar. Il-Mexxej Suprem tal-Iran, l-Ajatolla Ali Khamenei nqatel matul l-ewwel mewġa ta' attakki.

Burgum, li jmexxi l-Kunsill Nazzjonali tad-Dominanza tal-Enerġija tal-President Trump, żied jgħid nhar il-Ħamis li l-intervent se jgħin biex jiżgura li "ż-żejt jiċċirkola lejn l-Amerika".

Minn meta l-militar Amerikan attakka l-Venezwela u ħataf lil Maduro, l-Istati Uniti laħqet ftehimiet ġodda dwar iż-żejt mat-tmexxija attwali Venezwela; illi hija mmexxija mill-Aġent President Delcy Rodríguez. Rodríguez kienet il-Viċi-President tal-Veneżwela matul l-aħħar snin tat-tmexxija ta' Nicolás Maduro.

Issa, Washington qiegħda tippermetti lil Caracas ibigħ żejt sanzjonat taħt is-superviżjoni tal-Istati Uniti, hekk kif il-Venezwela biddlet il-liġijiet tagħha sabiex tippermetti aktar investiment barrani fis-settur taż-żejt.

L-Istati Uniti ilha diċennji tipprova terġa' tikkontrolla mill-ġdid r-riżervi taż-żejt tal-Veneżwela, partikolarment wara li l-President Hugo Chávez innazzjonalizza għal kollox is-settur taż-żejt fl-2007 billi ordna t-tluq ta' kumpaniji barranin tal-enerġija mill-pajjiż, inklużi dawk Amerikani.

Nhar l-Erbgħa, il-Aġent President tal-Venezwela Delcy Rodríguez u Burgum qalu li ż-żewġ pajjiżi se jaħdmu flimkien sabiex jiżviluppaw is-settur tal-minjieri fil-pajjiż.

Flimkien mal-fatt li għandha l-akbar riżervi ppruvati taż-żejt fid-dinja, il-Venezwela hija rikka fid-deheb, djamanti, minerali kritiċi u minerali rari tad-dinja; inklużi wħud minn dawk użati fil-produzzjoni tal-mowbajls.

More in Barranin