Il-President tal-Iran jirrifjuta t-talbiet tal-Istati Uniti sabiex pajjiżu jċedi bla ebda kundizzjonijiet

Il-President tal-Iran Masoud Pezeshkian skuża ruħu għall-attakki ta' pajjiżu fuq l-istati Għarab tal-Golf. Il-ġlied fir-reġjun qiegħed ikompli jeskala b'riżultat tal-attakki ta' ritaljazzjoni mill-Iran fuq l-Iżrael u l-istati tal-Golf bħala rispons għall-attakki kontinwi mill-Istati Uniti u mill-Iżrael fuq l-Iran

Ritratt: Wikimedia Commons
Ritratt: Wikimedia Commons

Il-President tal-Iran irrifjuta bil-qawwa t-talbiet tal-Istati Uniti sabiex l-Iran taċċetta li ċċedi bla kundizzjonijiet, u rrefera għal din it-talba bħala "ħolma li għandhom jieħdu fil-qabar tagħhom."

Fi stqarrija fuq ix-xandir tal-istat, il-President Masoud Pezeshkian skuża ruħu wkoll għall-attakki tal-Iran fuq "pajjiżi ġirien", u qal li Tehran kien se twaqqaf dawn l-attakki b'mod immedjat u ssuġġerixxa li l-attakki saru b'riżultat ta' nuqqas ta’ komunikazzjoni fil-gradi.

F’post fuq il-pjattaforma X, huwa qal illi qed isiru sforzi ta’ medjazzjoni bejn xi pajjiżi, iżda afferma li l-Iran huwa lest illi jiddefendi d-"dinjità u s-sovranità" tiegħu.

B'referenza għal dak li deher bħala t-telf ta’ kmand u kontroll fil-forzi armati Iranjani f’dawn l-aħħar jiem, huwa sostna li dan kien b'riżultat tal-qtil tal-mexxej suprem tal-pajjiż Ali Khamenei u ta' uffiċjali għolja oħra.

Il-kummenti tal-President Iranjan saru hekk kif pajjiżu kompla b' sensiela ta' attakki immirati lejn l-istati Għarab tal-Golf, hekk kif l-Iżrael u l-Istati Uniti komplew bl-attakki mill-ajru tagħhom immirati lejn ir-Repubblika Iżlamika.

Is-Sibt filgħodu ġew irrappurtati attakki fil-Baħrejn, fl-Għarabja Sawdija u fl-Emirati Għarab Magħquda.

L-Istati Uniti tgħid li aktar attakki fuq l-Iran huma mistenni fil-futur qarib

Hekk kif m'hemm l-ebda tmiem prevedibbli għall-ġlied, l-amministrazzjoni ta' Trump approvat bejgħ ġdid ta' armi ta' $151 miljun (€129 miljun) lil Iżrael wara li Trump qal li mhux se jinnegozja mal-Iran mingħajr "ma jċedu bla ebda kundizzjonijiet."

Sadanittant, is-Segretarju tat-Teżorerija tal-Istati Uniti Scott Bessent qal f'intervista fuq stazzjoni televiżiv illi l-"akbar kampanja ta' bumbardament" tal-gwerra kienet għadha ġejja.

L-ambaxxatur tal-Iran għan-Nazzjonijiet Uniti qal li l-pajjiż se "jieħu l-miżuri kollha meħtieġa" sabiex jiddefendi lilu nnifsu.

Matul din l-aħħar ġimgħa, l-Istati Uniti u l-Iżrael wettqeu sensiela ta' attakki fl-Iran immirati lejn il-kapaċitajiet militari tiegħu, it-tmexxija u l-allegat programm nukleari tiegħu. L-għanijiet li huwa mixtieq li jintlaħaq mill-asmministrazzjoni ta' Trump inbidlu ripetutament, hekk kif l-Istati Uniti xi drabi ssuġġeriet li qed tfittex li twaqqa' l-gvern attwali tal-Iran, filwaqt illi f'xi drabi oħra ssuġġeriet li tappunta tmexxija ġdida minn ġewwa l-gvern attwali stess.

Huwa maħsub illi l-ġlied ta' din l-aħħar ġimgħa rriżulta fil-qtil ta'1,230 persuna fl-Iran. Min-naħa l-oħra, aktar minn 200 persuna nqatlet fil-Libanu b'riżultat ta' attakki Iżraeljani fin-Nofsinhar tal-pajjiż, filwaqt illi madwar 12-il persuna nqatlet fl-Iżrael, skont uffiċjali f’dawk il-pajjiżi. 

L-Iran jattakka l-istati Għarab tal-Golf hekk kif il-ġlied jinfirex mar-reġjun

Hekk kif il-kunflitt ikompli jinfirex fl-Ilvant Nofsani, is-sireni nstemgħu jidwu fil-Baħrejn kmieni s-Sibt, hekk kif attakki Iranjani laqtu lill-pajjiż. Min-naħa l-oħra, l-Għarabja Sawdija qalet li qerdet drones Iranjani li kienu mmirati lejn iqasam vast taż-żejt f'Shaybah, filwaqt illi interċettat missila ballistika li oriġinat mill-Iran u li kienet immirata lejn il-Bażi tal-Ajru ta’ Prince Sultan, illi tospita l-forzi Amerikani.

F’Dubaj, komplew jinstemgħu diversi splużjonijiet is-Sibt filgħodu. B' rispons għal dawn l-attakki, il-gvern tal-Emirati Għarab Magħquda qal illi attiva d-difiżi tal-ajru. Il-passiġġieri li kienu qegħdin jistennew titjiriet fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Dubai, ħafna minnhom sabiex jirritornaw lura lejn pajjiżhom, kellhom isibu kenn fil-mini tal-ferrovija matul l-attakk.

Aktar tard dakinhar filgħodu, il-linja tal-ajru Emirates kkonfermat illi “t-titjiriet kollha lejn u minn Dubaj ġew sospiżi sakemm jingħata avviż ieħor.”

Il-Ministru tal-Enerġija tal-Qatar, Saad al-Kaabi, wissa f'intervista mal-Financial Times li l-gwerra tista' "twaqqa' l-ekonomiji tad-dinja," u bassar tnaqqis drammatiku fl-esportazzjonijiet mill-Golf Persjan illi jista' jwassal sabiex il-prezz taż-żejt jogħla għal €138 kull barmil.

Nhar il-Ġimgħa; għall-ewwel darba f'aktar minn sentejn; il-prezz għal barmil ta' żejt mhux raffinat tela' għal aktar minn €83.

Nhar is-Sibt, il-Ministru tad-Difiża tal-Għarabja Sawdija u l-kap tal-armata tal-Pakistan iltaqgħu sabiex jiddiskutu mezzi kif jistgħu jitwaqqfu l-attakki li ġejjin mill-Iran. L-Għarabja Sawdija u l-Pakistan; b'dan tal-aħħar ikun armat b'armi nukleari; ffirmaw patt ta' difiża reċiproka illi jiddefinixxi kwalunkwe attakk fuq kwalunkwe nazzjon bħala attakk fuq iż-żewġ pajjiżi.

Ukoll kmieni nhar is-Sibt, missili Iranjani laqtu diversi nħawi fl-Iżrael, hekk kif nstemgħu ħsejjes qawwija ta' splużjonijiet f'Ġerusalemm. Ma kien hemm l-ebda rapport ta’ vittmi mis-servizzi ta’ emerġenza ta’ Iżrael.

More in Barranin