Bastiment taħt il-bandiera Maltija milqut minn missila fl-Istrett ta’ Hormuz

Il-vapur tal-merkanzija bl-isem Safeen Prestige rrapporta l-attakk bil-missila għall-ħabta tas-1pm ħin ta’ Malta hekk kif kien fi triqtu lejn l-Saudi Arabia

Bastiment taħt il-bandiera ta’ Malta intlaqat minn missila fl-Strait of Hormuz, ftit ’il barra mill-kosta ta’ Oman.

Il-vapur tal-merkanzija bl-isem Safeen Prestige rrapporta l-attakk bil-missila għall-ħabta tas-1pm ħin ta’ Malta hekk kif kien fi triqtu lejn l-Arabja Sawdija.

L-attakk iseħħ fost tensjonijiet li qed jeskalaw fir-reġjun tal-Golf, hekk kif l-Iran qed tniedi attakki kontinwi ta’ ritaljazzjoni wara attakki Iżraeljani u Amerikani fuq il-pajjiż li qatlu lill-mexxej suprem Iranjan.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Islamic Revolutionary Guard Corps (IRGC) qalet li l-Istrett ta’ Hormuz, rotta vitali għall-kummerċ globali taż-żejt, jinsab taħt il-kontroll tagħha, u heddet li tattakka kwalunkwe bastiment li jgħaddi minnu.

L-attakk fuq is-Safeen Prestige huwa r-raba’ attakk irrappurtat fl-aħħar jum.

Ebrahim Jabari, konsulent anzjan tal-mexxejja tal-IRGC, hedded li jkompli jimbotta ’l fuq il-prezzijiet taż-żejt, u sostna li l-Iran mhux se tħalli l-ebda żejt jitlaq mir-reġjun.

L-Istrett ta’ Hormuz, li jinsab bejn l-Iran u l-Oman, jara madwar 20% tal-provvisti globali taż-żejt jgħaddu minnu.

More in Barranin