Sánchez ta’ Spanja jibqa’ sod fil-kritika tiegħu għall-gwerra fl-Iran minkejja t-theddid ta’ Trump

Il-Prim Ministru Spanjol Pedro Sánchez baqa' jikkritika bil-qawwa l-azzjonijiet militari tal-Istati Uniti u ta' Iżrael fl-Iran minkejja li l-Istati Unti heddet illi se ttemm ir-relazzjoni kummerċjali ma' Spanja. ''Fil-qosor, il-pożizzjoni tal-gvern ta' Spanja tista' tiġi mqassra f'erba' kelmiet," qal Sánchez. "Le għall-gwerra."

Il-Prim Ministru Spanjol Pedro Sánchez ikkritika għal darb'oħra l-azzjonijiet militari tal-Istati Uniti u ta' Iżrael fl-Iran. Dan hekk kif huwa żamm sod nhar l-Erbgħa kontra theddid ġdid minn Washington u wissa li l-gwerra fl-Iran qed tirriskja li "tilgħab" b'miljuni ta' ħajjiet.

Il-President Donald Trump nhar it-Tlieta hedded li jtemm il-kummerċ tal-Istati Uniti ma' Spanja minħabba l-insistenza ta' Spanja sabiex tirrifjutta li tippermetti lill-Istati Uniti sabiex tuża bażijiet militari konġunti fil-pajjiż bħala punt ta' tluq għall-attakki tagħha fuq l-Iran.

"Mhux se nkunu kompliċi f'xi ħaġa li hija ħażina għad-dinja u hija wkoll kuntrarja għall-valuri u l-interessi tagħna, sempliċement minħabba l-biża' ta' ritaljazzjoni minn xi ħadd," qal Sánchez f'diskors televiżiv.

Għadu mhuwiex ċar kif Trump se jaqta' l-kummerċ ma' Spanja, membru tal-Unjoni Ewropea, hekk kif l-Unjoni Ewropea tinnegozja l-kummerċ b'mod kollettiv f'isem is-27 membru kollha tagħha.

L-Unjoni Ewropea qalet nhar l-Erbgħa li se tipproteġi l-interessi tagħha u taħdem sabiex tistabbilizza r-relazzjoni kummerċjali tagħha mal-Istati Uniti, li magħha laħqet ftehim kummerċjali s-sena l-oħra wara xhur ta' inċertezza ekonomika b'riżultat tat-tariffi globali ta' Trump.

“Aħna ninsabu f’solidarjetà sħiħa mal-istati membri kollha u ċ-ċittadini kollha tagħhom u, permezz tal-politika kummerċjali komuni tagħna, ninsabu lesti li naġixxu jekk ikun meħtieġ sabiex nissalvagwardjaw l-interessi tal-Unjoni Ewropea,” qal il-kelliem tal-Kummissjoni Ewropea Olof Gill.

Wara li Spanja ma ħallietx lill-Amerikani jużaw il-bażijiet tagħha, Trump nhar it-Tlieta qal “nistgħu nużaw il-bażi tagħhom jekk irridu,” b’referenza għal żewġ bażijiet militari fin-nofsinhar ta’ Spanja li l-Istati Uniti u Spanja joperaw b'mod konġunt, iżda li għadhom taħt il-kmand Spanjol. “Nistgħu sempliċement ntiru għal ġo fihom u nużawhom,” qal Trump. “Ħadd mhu se jgħidilna sabiex ma nużawhomx, imma m’għandniex għalfejn.”

It-theddid minn Washington nhar it-Tlieta kien biss wieħed minn ħafna instanzi fejn il-President tal-Istati Uniti uża t-theddida ta’ tariffi jew embargos kummerċjali bħala kastig. Fl-aħħar ġimgħat, is-sitwazzjoni umanitarja f'Kuba kompliet tiggrava minħabba nuqqas ta' fjuwil, hekk kif Trump hedded illi jimponi tariffi fuq dawk il-pajjiżi li jwasslu fjuwil lil Kuba. 

Ix-xahar li għadda, il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti annullat it-tariffi globali estensivi ta’ Trump, u qalet li s-setgħat ta’ emerġenza ma jippermettux lill-President tal-Istati Uniti sabiex jimponi unilateralment tariffi kbar.

Madankollu, Trump isostni li l-qorti tippermettilu minflok jimponi embargos fuq skala sħiħa fuq nazzjonijiet oħra tal-għażla tiegħu.

Spanja ma kellha l-ebda kuntatt dirett mal-Istati Uniti minn meta Trump attakka, qal il-Ministru tal-Ekonomija Spanjol Carlos Cuerpo nhar l-Erbgħa.

"Irrid nibgħat messaġġ ta' kalma," qal Cuerpo lill-istazzjon tar-radju Spanjol Cadena Ser. "Lil hinn minn dawk il-kummenti (minn Trump), ma kien hemm l-ebda mossa oħra (mill-Istati Uniti)."

Il-gruppi kummerċjali ewlenin ta' Spanja esprimew tħassib dwar it-theddida kummerċjali tal-Istati Uniti, u sejħu lill-Istati Uniti "sieħeb ewlieni minn perspettiva ekonomika u politika."

"Aħna nafdaw li r-relazzjonijiet kummerċjali tagħna fl-aħħar mill-aħħar mhux se jiġu affettwati bl-ebda mod," qalu l-kmamar tan-negozju Spanjoli CEOE, CEPYME u ATA nhar it-Tlieta.

Il-pożizzjoni ta' Spanja dwar il-kunflitt tal-Iran tkompla tixhed il-kumplikazzjonijiet u n-nuqqas ta' qbil fir-relazzjoni tal-amministrazzjoni ta' Sánchez mal-amministrazzjoni ta' Trump.

Spanja kienet ikkritikat fil-beraħ il-genoċidju ta' Iżrael f'Gaża u ġibdet ir-rabja ta' Trump is-sena l-oħra meta ħabbret illi mhijiex se żżid l-infiq tagħha fid-difiża għal 5% tal-Prodott Gross Domestiku kif kien mistenni li se jagħmlu l-pajjiżi kollha li huma membri fl-allenza tan-NATO. Dak iż-żmien, Spanja qalet li hija setgħet tissodisfa l-bżonnijiet tad-difiża tagħha billi tonfoq inqas; madwar 2.1% tal-Prodott Gross Domesiku tagħha; mossa li Trump ikkritika bil-qawwa billi hedded li se jimponi tariffi b'reazzjoni għal dan.

Sánchez sejjaħ l-attakki tal-Istati Uniti u tal-Iżrael fuq l-Iran bħala intervent militari "mhux ġustifikabbli" u żvilupp "perikoluż".

Nhar l-Erbgħa, il-mexxej Spanjol esprima tħassib li l-attakki fuq l-Iran mill-Istati Uniti u l-Iżrael jistgħu jwasslu għal diżgwid militari ieħor li se jirriżulta fit-telf ta' ħafna ħajjiet u riżorsi fil-Ilvant Nofsani, b'mod simili għall-interventi Amerikani li seħħew fil-passat riċenti ġewwa l-Iraq u l-Afganistan.

"Fil-qosor, il-pożizzjoni tal-gvern ta' Spanja tista' tiġi mqassra f'erba' kelmiet," qal Sánchez. "Le għall-gwerra."

More in Barranin