Splużjonijiet kbar ġew irrappurtati fl-Emirati Għarab Magħquda, il-Kuwajt, il-Baħrejn u l-Qatar hekk kif l-Iran nieda kontro-attakki wara l-attakki konġunti bejn Iżrael u l-Istati Uniti f'Tehran li saru iktar kmieni llum.
Il-Baħrejn qal li l-kwartieri ġenerali tal-Ħames Flotta tal-Marittima tal-Istati Uniti kienu fil-mira ta' attakk bil-missili. Splużjonijiet instemgħu wkoll f'Manama, il-belt kapitali tal-Baħrejn. L-attakki tqiesu bħala "atti ta' tradiment" u "ksur sfaċċat tas-sovranità u s-sigurtà tar-renju".
Splużjonijiet instemgħu wkoll f'Doħa fil-Qatar. Il-Ministeru tad-Difiża tal-Qatar kien qal qabel illi missila Iranjana waħda ġiet interċettata mis-sistema ta' difiża patrijottja.
Aġenziji tal-aħbarijiet fl-Iran ikkonfermaw l-attakki bil-missili fuq il-Bażi tal-Ajru Al-Udeid fil-Qatar, il-Bażi tal-Ajru Al-Salem fil-Kuwajt, il-Bażi tal-Ajru Al-Dhafra fl-Emirati Għarab Magħquda, u l-bażi tal-Istati Uniti fil-Baħrejn.
Mill-inqas persuna waħda nqatlet fl-attakk f'Abu Dhabi wara li l-Emirati Għarab Magħquda nterċettat diversi missili Iranjani. L-Emirati Għarab Magħquda sejħet l-attakk bħala "ksur sfaċċat tas-sovranità nazzjonali u l-liġi internazzjonali" u qalet li "tirriżerva d-dritt sħiħ tagħha li tirrispondi għal din l-eskalazzjoni".
L-attakki seħħew wara li l-Iran ħabbar li l-assi u l-interessi kollha tal-Istati Uniti u tal-Iżrael fil-Lvant Nofsani saru miri leġittimi.
Il-Qatar, il-Kuwajt u l-Emirati Għarab Magħquda kollha għalqu l-ispazji tal-ajru tagħhom.
Ġie rrapport illi nstemgħet ukoll splużjoni minn Rijad fl-Għarabja Sawdija. L-Għarabja Sawdija kkundannat l-attakki fuq l-Emirati Għarab Magħquda, il-Baħrejn, il-Qatar, il-Ġordan u l-Kuwajt. Wissiet dwar "konsegwenzi gravi" minħabba l-ksur kontinwu tas-"sovranità tal-istat u l-prinċipji tal-liġi internazzjonali".
Il-militar tal-Ġordan irrapporta li waqqa' żewġ missili ballistiċi iktar kmieni llum.
Il-Korp tal-Gwardja Rivoluzzjonarja Iżlamika (IRGC) tal-Iran sostnia li l-miri militari kollha tal-Iżrael u tal-Istati Uniti fil-Lvant Nofsani ntlaqtu "bid-daqqiet qawwija tal-missili Iranjani". "Din l-operazzjoni se tkompli bla heda sakemm l-għadu jiġi megħlub b'mod deċiżiv," kompla jgħid il-korp.
Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Iran ħareġ stqarrija ftit wara l-attakk konġunt tal-Iżrael u l-Istati Uniti f'Tehran.
“L-aggressjoni militari fit-tul mill-Istati Uniti u r-reġim Żionista kontra l-Iran tikkostitwixxi fi ksur tad-dritt internazzjonali u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran tikkunsidra din l-aggressjoni bħala ksur ċar tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali u tenfasizza li tirriżerva d-dritt leġittimu tagħha li tirrispondi b'mod deċiżiv,” qal il-ministeru.
L-Istati Uniti għandha madwar 19-il sit militari madwar l-Asja tal-Punent, li jistazzjonaw madwar 40,000 sa 50,000 suldat.
L-armata Iżraeljana, sadanittant, ħarġet stqarrija fejn qalet illi kienet qiegħda “twettaq attakk wiesa’ fuq numru ta’ miri militari li jappartjenu lir-reġim Iranjan fil-Punent tal-Iran.”