L-Istati Uniti trid li l-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja tintemm sa Ġunju, jgħid Zelenskyy


Il-President Zelenskyy jinsisti li l-Ukrajna mhux se tittollera xi ftehim magħmul bejn Washington u Moska biss


L-Istati Uniti qiegħda tinsisti sabiex l-Ukrajna u r-Russja jaqblu rigward ftehim sabiex tintemm il-gwerra fl-ukrajna sa Ġunju li ġej, u offriet li tospita taħditiet bejn iż-żewġ naħat il-ġimgħa d-dieħla, qal il-President Ukren Volodymyr Zelenskyy nhar is-Sibt.

L-amministrazzjoni tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump ilha tagħmel pressjoni fuq Moska u Kyiv sabiex itemmu l-kunflitt illi ilu għaddej kważi erba’ snin, u riċentament serviet bħala medjatriċi f'taħditiet bejn iż-żewġ naħat f’Abu Dhabi, iżda s’issa naqset milli tinnegozja kompromess dwar il-kwistjoni tat-territorji kkontestati.

Ir-Russja, illi għadha qiegħda tokkupa madwar 20% tal-Ukrajna, qiegħda tinsisti għal kontroll sħiħ tar-reġjun ta’ Donetsk fl-Ilvant tal-Ukrajna bħala parti minn ftehim.

Iżda l-Ukrajna qiegħda tgħid li mhijiex se tiffirma ftehim illi jonqos milli jiskoraġġixxi lir-Russja milli terġa’ tinvadi territorju Ukren.

“L-Istati Uniti pproponiet għall-ewwel darba li ż-żewġ timijiet ta’ negozjati, tal-Ukrajna u tar-Russja, jiltaqgħu fl-Istati Uniti, probabbilment f’Miami, fi żmien ġimgħa,” qal Zelenskyy lill-ġurnalisti f’kummenti li saru pubbliċi kmieni nhar is-Sibt.

"Qegħdin jgħidu li jridu jagħmlu kollox sa Ġunju," żied jgħid.

Zelenskyy ripetutament esprima frustrazzjoni li pajjiżu qiegħed jintalab jagħmel kompromessi sproporzjonati meta mqabbel ma' dawk illi qiegħda tiġi mitluba tagħmel ir-Russja.

Fir-rimarki tiegħu, il-mexxej Ukren qal li mhuwiex se jittollera li Washington u Moska jagħmlu ftehimiet minn wara dahar Kyiv, speċjalment jekk dawn ikunu relatati mas-sovranità tal-Ukrajna.

Iż-żewġ naħat ukoll ma rnexxilhomx jilħqu "fehim komuni" dwar il-kwistjoni tal-kontroll fuq l-impjant tal-enerġija nukleari ta' Zaporizhzhia tal-Ukrajna, illi ilu okkupat minn Moska mill-2022, qal Zelenskyy.

L-impjanti tal-enerġija nukleari Ukreni naqqsu l-produzzjoni nhar is-Sibt hekk kif attività militari fil-qrubija tagħhom affettwat id-distribuzzjoni tal-elettriku u skonnettjat xi linji tal-enerġija, qalet l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika f'post fuq il-pjattaforma X nhar is-Sibt.

More in Barranin