Tiġi żevalata t-tmexxija proviżorja ġdida li se tiggverna lil Gaża

Il-vjolenza fix-Xatt tal-Punent minn settlers Iżraeljani rriżultat fil-qtil ta’ tifel Palestinjan ta’ 14-il sena

Tifel Palestinjan ta’ 14-il sena jinqatel minn settlers Iżraeljani fil-Xatt tal-Punent.
Tifel Palestinjan ta’ 14-il sena jinqatel minn settlers Iżraeljani fil-Xatt tal-Punent.

Il-White House żvelat l-ismijiet ta’ wħud mill-mexxejja li se jkollhom rwol fis-superviżjoni tal-passi li jmiss f’Gaża wara li l-kumitat Palestinjan illi se jibda jiggverna t-territorju taħt is-superviżjoni tal-Istati Uniti ltaqa’ għall-ewwel darba nhar il-Ġimgħa fil-Kajr, l-Eġittu.

Il-mexxej tal-kumitat, Ali Shaath, inġinier u eks uffiċjal tal-Awtorità Palestinjana minn Gaza, wiegħed li jibda jaħdem malajr sabiex itejjeb il-kundizzjonijiet tal-poplu Palestinjan. Huwa jistenna li r-rikostruzzjoni u l-irkupru jieħdu madwar tliet snin u qiegħed jippjana li jiffoka primarjament fuq il-bżonnijiet immedjati, inkluż il-ħtieġa ta’ kenn għar-refuġjati f’Gaża.

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump wiegħed illi se jappoġġja l-isforzi tal-grupp sabiex jiggverna Gaza wara sentejn ta’ kunflitt armat bejn Iżrael u Hamas li rriżultat f’ġenoċidju mill-forzi Iżraeljani fil-konfront tal-poplu Palestinjan f’Gaża. It-truppi Iżraeljani rtiraw minn partijiet ta’ Gaza wara illi l-ftehim tal-waqfien mill-ġlied daħal fis-seħħ fl-10 ta’ Ottubru, filwaqt li eluf ta’ Palestinjani bdew jirritornaw lejn dak li fadal minn djarhom.

Taħt il-pjan ta’ Trump, il-kumitat teknokratiku ta’ Shaath se jibda jmexxi l-affarijiet ta’ kuljum f’Gaża taħt is-superviżjoni ta’ “Bord tal-Paċi” mmexxi minn Trump, li l-membri tiegħu għadhom żvelati matul din il-ġimgħa.

Il-membri tal-bord eżekuttiv jinkludu lis-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti Marco Rubio, l-esponent tal-amministrazzjoni Trump Steve Witkoff, ir-raġel ta’ bint Trump Jared Kushner, l-eks Prim Ministru tar-Renju Unit Tony Blair, is-CEO ta’ Apollo Global Management Marc Rowan, il-President tal-Bank Dinji Ajay Banga, u l-viċi konsulent tas-sigurtà nazzjonali tal-amministrazzjoni Trump Robert Gabriel.

Nickolay Mladenov, eks politiku Bulgaru u mibgħut tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Lvant Nofsani, se jservi bħala r-rappreżentant tal-bord eżekuttiv li jissorvelja l-affarijiet ta’ kuljum.

Sadanittant, fix-Xatt tal-Punent, ħbieb u qraba nġabru nhar il-Ġimgħa sabiex jibku l-mewt ta’ tifel Palestinjan ta’ 14-il sena li nqatel mill-forzi Iżraeljani li ilhom jokkupaw illegalment lil dan it-territorju sa minn Ġunju 1967.

Il-Ministeru tas-Saħħa tal-Awtorita’ Palestinjana qal illi Mohammad Na’san huwa l-ewwel tifel illi nqatel mill-armata Iżraeljana fix-Xatt tal-Punent okkupat fl-2026.

Ir-residenti qalu li l-forzi Iżraeljani sparaw il-gass tad-dmugħ f’attakk mhux provokat. Il-militar ta’ Iżrael qal fi stqarrija illi l-inkursjoni seħħet wara li l-Palestinjani kienu waddbu ġebel lejn t-truppi Iżraeljani.

More in Barranin