Il-Kungress Amerikan ivvota b’maġġoranza kbira biex iġiegħel lid-Dipartiment tal-Ġustizzja jirrilaxxa l-fajls kollha dwar Jeffrey Epstein, li kien akkużat b’reati sesswali u miet il-ħabs. Il-leġiżlazzjoni issa se tmur għand il-President Donald Trump biex jiffirmaha – pass li jikkonferma bidla drastika fil-pożizzjoni tiegħu.
Għal xhur twal, Trump ċaħad u naqqas mit-talb għall-pubblikazzjoni tad-dokumenti. F’Lulju saħansitra ddeskrivihom bħala “pretty boring stuff”. Iżda l-bidla waslet fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, meta numru dejjem jikber ta’ Repubblikani fil-Kamra tar-Rappreżentanti indikaw li kienu se jivvutaw favur ir-rilaxx — pressjoni interna li Trump ma setax jibqa’ jinjora.
Il-volta tiegħu fetħet il-bieb għal votazzjoni kważi unanimu fil-Kamra, 427 kontra wieħed, li wriet ċar kemm il-momentum fuq dan il-każ kien ħa spinta f’daqqa.
Il-mossa ta’ Trump hija rari: f’din l-okkażjoni, huma l-politiċi Repubblikani li ġagħluh jċaqlaq il-pożizzjoni tiegħu, mhux bil-maqlub kif spiss jiġri. U għal ħafna strateġisti konservattivi, dan is-sinjal ġej dirett mill-bażi Maga, li ilha titlob aktar trasparenza fuq l-istorja ta’ Epstein.
Ir-rilaxx tal-fajls jista’ jiżvela informazzjoni ġdida jew ma jbiddel xejn, iżda l-episodju diġà wera l-kontradizzjonijiet fil-Partit Repubblikan u l-fatt li anke Trump – minkejja l-kontroll qawwi tiegħu fuq il-partit – b’xi drabi lanqas hu ma jista’ jdur kontra t-tmexxija tal-bażi tiegħu.