Momentum jitlob rikonoxximent immedjat tal-Istat ta’ Palestina

Il-Partit Momentum qed jappella għal rikonoxximent immedjat tal-Istat tal-Palestina

Il-Partit Momentum talab lill-Gvern Malti biex ma jistenna xejn aktar u jirrikonoxxi mill-ewwel l-Istat ta’ Palestina.

“Momentum jerġa’ jinsisti fuq rikonoxximent immedjat tal-Palestina minflok ma nistennew lil Netanyahu jokkupa l-Gaza kollha u jkeċċi lill-Palestinjani minn pajjiżhom. Nappellaw lil kull persuna b’kuxjenza, kull ġenitur u kull bniedem, biex ngħollu leħinna. Għandna ngħidu lill-mexxejja tagħna li ma naċċettawx is-silenzju tagħhom. It-tfal ta’ Gaza għandhom bżonnna nitkellmu għalihom,” qal is-Segretarju Ġenerali Mark Camilleri Gambin.

Hu sostna li l-istorja ma taħfirx il-ġenoċidju u l-orrur li għaddej fil-Gaza. “Li tara l-immaġini, tisma’ l-istejjer ta’ familji mkissra u tagħżel li ma tagħmel xejn, ifisser li nitilfu parti mill-umanità tagħna stess,” kompla jgħid.

Skont rapporti internazzjonali kkwotati mill-partit, fosthom mill-Guardian u mill-Uppsala Conflict Data Program, 83 fil-mija tal-vittmi fil-Gaza huma ċivili: tmienja minn kull għaxra huma rġiel, nisa u tfal ordinarji. Camilleri Gambin qal li dan ikompli juri li l-kampanja militari Iżraeljana qed tolqot b’mod sproporzjonat lil familji innoċenti minkejja l-kapaċitajiet moderni għal attakki preċiżi.

“Il-vuċi ta’ Malta forsi mhix l-aktar b’saħħitha fuq livell dinjituż, iżda dan għandu jispirana biex ngħolluha aktar. Għandna dmir morali lejn it-tfal ta’ Gaza – dmir li nkunu l-avukati tagħhom, mhux sempliċi kronisti tal-mewt tagħhom,” qal Camilleri Gambin.

Il-Prim Ministru Robert Abela kien diġà ħabbar f’Lulju li Malta se tagħti r-rikonoxximent formali tal-Istat ta’ Palestina waqt is-Sessjoni Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti f’Settembru. Din id-deċiżjoni waslet ftit wara li l-Prim Ministru Ingliż Keir Starmer u l-President Franċiż Emmanuel Macron wiegħdu l-istess pass.

More in Barranin