Aktar minn 60,000 każ ġdid ta' Covid-19 fir-Renju Unit; It-tielet lockdown nazzjonali jidħol fis-seħħ

Fost oħrajn, il-miżuri jinkludu ordni biex kulħadd jibqa’ d-dar u jingħalqu l-iskejjel għall-maġġoranza tal-istudenti

It-tielet lockdown nazzjonali fl-Ingilterra sar liġi uffiċjali u daħal fis-seħħ mil-lum hekk kif ġew irreġistrati numru rekord ta’ każi ġodda li jabqżu s-60,000.

Ir-Renju Unit kollu bħalissa jinsab taħt restrizzjonijiet iebsa, b’Wales, l-Irlanda ta’ Fuq u anke l-Iskozja jinsabu taħt lockdown.

Fost oħrajn, il-miżuri jinkludu ordni biex kulħadd jibqa’ d-dar u jingħalqu l-iskejjel għall-maġġoranza tal-istudenti.

Figuri mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru kif bejn is-27 ta’ Diċembru u t-2 ta’ Jannar, aktar minn miljun persuna fl-Ingilterra kienu pożittivi għall-virus.

Waqt konferenza li saret ilbieraħ, il-Prim Ministru Boris Johnson qal li ma kellu l-ebda għażla oħra, anke għax l-għadd tal-pazjenti fl-isptarijiet huwa 40% aktar minn meta l-ewwel mewġa tal-virus laħqet l-ewwel quċċata tagħha.

Johnson lanqas ma ggarantixxa li l-istudenti kollha se jkunu qed jirritornaw fl-iskejjel qabel il-btajjel tas-sajf anke jekk insista li jinsab ottimist li l-affarijiet se jkunu tjiebu ħafna fir-rebbiegħa.

Madanakollu, Chris Whitty, chief medical officer, qal li xi restrizzjonijiet jistgħu jerġgħu jkollhom jidħlu fis-seħħ tul ix-xitwa li jmiss.

Sa issa, 1.3 miljun persuna fir-Renju Unit irċevew il-vaċċin.

It-tir tal-Gvern qed jimmira li sa nofs Frar ikun laqqam 13-il miljun persuna li jinkludu lil dawk kollha li għandhom ‘il fuq minn 70 sena, lill-aktar vulnerabbli u lill-frontliners kollha. 

More in Barranin