Terz tal-ekwipaġġ ta' aircraft carrier Franċiż pożittiv għall-COVID-19; L-aħħar żviluppi madwar id-dinja

Il-President Amerikan Donald Trump qal li l-Istati Uniti “probbabilment” qabżet il-quċċata tal-kurva

Terz tal-ekwipaġġ tal-aircraft carrier Franċiż Charles de Gaulle rriżulta pożittiv għall-coronavirus.

Skont il-Ministeru għad-Difiża, 668 suldat rriżultaw pożittiv u dan hekk kif il-bastiment irritorna lura għall-bażi f’Toulon.

Il-Ministeru qal li matul il-ġurnata tal-bieraħ, saru test fuq 1,767 suldat. Minn dawk infettati, 31 jinsabu l-isptar u wieħed jinsab għall-Kura Intensiva.

Għad iridu joħorġu r-riżultati ta’ 30% tat-testijiet.

Intant, il-baħrin u s-suldati kollha li kienu abbord tpoġġew fi kwarantina.

Żviluppi oħra

Intant, in-numru ta’ każijiet pożittivi globalment issa qabeż iż-żewġ miljun persuna hekk kif l-għadd irdoppja fl-aħħar ġimgħatejn.

L-Amerka tibqa’ l-aktar pajjiż milqut u fl-aħħar 24 siegħa tilfu ħajjithom 2,600 persuna.

Trump jgħid li l-agħar għall-Amerika għadda

Intant, il-President Amerikan Donald Trump qal li l-Istati Uniti “probbabilment” qabżet il-quċċata tal-kurva biex hekk, fi kliemu, n-numru ta’ infezzjonijiet se jibda jinżel.

Fi kliemu, dan l-iżvilupp iħejji t-triq għall-pjanijiet tiegħu biex ftit ftit jibda “jiftaħ” il-pajjiż. 

L-indikazzjonijiet huma li llum, Trump mistenni jħabbar il-pjanijiet tiegħu.

Jiżdiedu ħafna l-każi fil-Brażil

Il-każi fil-Brażil qed jiżdiedu wkoll b’rata mgħaġġla u dan hekk kif ilbieraħ tilfu ħajjithom 1,736 persuna. Fil-Brażil hemm 28,320 każ ikkonfermat.

F’24 siegħa, skont il-Ministeru għas-Saħħa, fil-Brażil kien hemm 3,058 każ ġdid, l-akbar numru sa issa.

Intant, il-gvernatur ta’ Sao Paolo, l-istat l-aktar milqut, qed jakkuża lill-President Bolsonaro li l-pożizzjonijiet tiegħu biex tkun ikkontrollata l-pandemija kienu “skorretti u rresponsabbli.”

F’Sao Paolo biss hemm 11,000 pazjent.

Iċ-Ċina tirrapporta każijiet ġodda

Iċ-Ċina, li bdiet tirritorna għan-normal ftit ftit, reġgħet irrapportat 46 każ ġdid, bi 34 każ ikun relatat mas-safar.

Tlieta minn dawn il-każijiet kienu rrapportati fil-Kapitali Beijing li għadha qed tinforza l-kwarantina u l-miżuri tad-distanza soċjali.

More in Barranin