Trump jisħaq li l-miżuri biex jikkontrollaw l-imxija tal-Covid-19 se jkunu estiżi sal-aħħar ta' April

Sa issa, l-Istati Uniti għandha ‘l fuq minn 140,000 każ ikkonfermat biex qabżet liċ-Ċina u anke lill-Italja

Il-President Amerikan Donald Trump qal li miżuri li ttieħdu fl-aħħar jiem biex tkun ikkontrollata l-imxija tal-coronavirus jistgħu jkunu estiżi sat-30 ta’ April.

Trump qal dan wara li xi jiem ilu ssuġġerixxa li ċertu miżuri, bħal dawk biex tinżamm id-distanza soċjali, setgħu jitwaqqfu dalwaqt, saħansitra qabel jew fi żmien l-Għid, jiġifieri f’nofs April.

Skont il-President Amerikan, kollox qed jindika li r-rata tal-imwiet fl-Istati Uniti se tilħaq l-ogħla punt tagħha fi żmien ħmistax.

Fl-aħħar jiem, Anthony Fauci, il-konsulent mediku tal-White House wissa li jekk ma jitteħdux il-miżuri neċessarji, il-virus se joqtol madwar 200,000 Amerikan.

Fi kliemu, x’aktarx li miljuni ta’ Amerikani jistgħu jkunu infettati bil-virus.

Sa issa, l-Istati Uniti għandha ‘l fuq minn 140,000 każ ikkonfermat biex qabżet liċ-Ċina u anke lill-Italja.

Sal-bieraħ, 2,482 persuna kienu tilfu ħajjithom.

More in Barranin