6,000 persuna maqbuda abbord cruise liner fl-Italja wara każ suspettat ta' coronavirus abbord

Mara li għandha 54 sena u li hija minn Macau tpoġġiet f’iżolament fil-klinika tal-Costa Smeralda sakemm isiru xi testijiet neċessarji

Ritratt: Euronews
Ritratt: Euronews

Madwar 6,000 persuna ma tħallewx jinżlu minn fuq cruise liner li jinsab fil-port ta’ Civitavecchia fl-Italja u dan wara li każ suspettat ta’ coronavirus.

Jidher li saru xi testijiet fuq koppja, liema testijiet ntbagħtu għal aktar stħarriġ. Dan wara li ntalbet l-għajnuna ta’ tliet tobba u anke infermiera għax mara ħassitha ma tiflaħx u żviluppat sintomi simili għal dawk tal-virus.

Il-mara, li għandha 54 sena u li hija minn Macau tpoġġiet f’iżolament fil-klinika tal-Costa Smeralda.

Saru wkoll xi testijiet fuq ir-raġel tagħha anke jekk dan ma żviluppa l-ebda sintomi.

“Malli sirna nafu bil-każ, l-istaff mediku abbord ħa l-passi kollha neċessarji,” saħqet il-kumpanija Costa Crociere fi stqarrija. “Il-prijorità tagħna hija li niggarantixxu is-saħħa u s-sigurtà tal-passiġġieri u l-istaff kollu.”

Jidher li l-koppja telgħet fuq il-vapur minn Genoa wara li waslet Milan abbord titjira minn Hong Kong. 

Il-bastiment laħaq waqaf Palma u Mallorca qabel waqaf Civitavecchia, belt viċin Ruma.

Intant, jidher li l-għadd ta' dawk li tilfu ħajjithom kawża ta' dan il-virus li għalih la hawn mediċina u lanqas vaċċin tela' għal 170, bir-reġjuni kollha fiċ-Ċina issa jinsabu milquta.

X’inhu l-coronavirus?

Il-coronavirus oriġina f’Wuhan fiċ-Ċina u qed ikun imlaqqam bħala “kuġin” tas-SARS, virus ieħor mill-istess familja.

Jidher li dan il-virus oriġina minn suq li jbigħ annimali selvaġġi ħajjin jew li jkunu għadhom kemm inqatlu, fosthom għasafar, fniek, friefet il-lejl u sriep.

Il-coronaviruses jgħaddu mill-annimali għall-bniedem, tant li l-ewwel nies ifettati kienu l-bejjiegħa stess.

Kemm hu komuni?

Għalkemm l-ewwel analiżi ssuġġeriet li l-virus kien simili għal dak komuni fis-sriep, issa jidher li huwa aktar simili għal dak komuni fil-friefet il-lejl.

B’kollox hemm 5,974 każ ikkonfermat u 9,329 każ ieħor li qed ikun suspettat li huwa coronavirus.

S’issa, madwar 132 persuna tilfu ħajjithom u apparti ċ-Ċina, kien hemm xi ftit każi oħra f’16-il pajjiż ieħor.

Aqra aktar hawn dwar il-prekawzjonijiet li ttieħdu f'Malta.

More in Barranin