Uffiċjal għoli Amerikan jixhed kif Trump hedded lill-Ukraina biex tinvestiga lir-rivali tiegħu

Skont Bill Taylor, l-amministrazzjoni ta' Trump kienet qed thedded lill-Ukraina li tirtira l-għajnuna militari tagħha

Tkompli l-inkjesta li tista’ twassal biex il-President Donald Trump jitneħħa mill-poter, b’diplomatiku għoli Amerikan jixhed kif l-amministrazzjoni ta’ Trump kienet qed thedded lill-Ukraina li tirtira l-għajnuna militari tagħha jekk ma tinvestigax lil Joe Biden, l-akbar rivali ta’ Trump għall-elezzjonijiet presidenzjali.

Bill Taylor, id-diplomatiku għoli Amerikan fl-Ukraina qal lill-inkjesta li qed tinvestiga lill-President Trump li huwa ċar li l-Istati Uniti kienet qed thedded lill-Ukraina.

Il-President Donald Trump ċaħad li kien hemm xi theddida.

Intant, minn nhar l-Erbgħa se jkunu qed jibda s-smigħ pubbliku ta’ din l-inkjesta, b’Taylor ikun l-ewwel xhur.

Taylor xehed wara l-bibien magħluqa matul ix-xahar li għadda iżda transkrizzjoni tal-evidenza tiegħu ġiet ippubblikata l-Ġimgħa.

Huwa qal lill-inkjesta li skont żewġ uffiċjali tad-dipartiment tal-istat, Trump ma kienx lest jiffirma ċekk ta’ kważi $400 miljun f’għajnuna militari għall-Istati Uniti sakemm l-Ukraina ma tħabbarx li bdiet tinvestiga lill-eks Viċi President Amerikan Joe Biden.

Iben Biden, Hunter Biden, kien membru ta’ bord tal-kumpanija Ukrena taż-żejt Burisma. Skont Trump, Joe Biden kein qed juża l-pożizzjoni tiegħu ta’ Viċi President biex din l-istess kumpanija ma tkunx investigata.

Skont Taylor, l-avukat personali ta’ Donald Trump, Rudy Guiliani, kien il-moħħ wara l-pressjoni fuq l-Ukraina biex tiddikjara investigazzjoni fuq Biden.

More in Barranin